Matul il-lejl li għadda tilef ħajtu Pal Lengyel, l-Ungeriż ta’ ħamsin sena minn San Pawl il-Baħar li l-Ħadd filgħodu kien involut f’inċident tat-traffiku bil-mutur fi Triq il-Kosta n-Naxxar.
Il-każ seħħ fl-għaxra ta’ filgħodu, meta x-xufier tal-mutur ta’ tip Honda tilef il-kontroll tal-mutur, ħabat mal-barrikati li jaqsmu t-triq u tkaxkar diversi metri.
Fuq il-post immedjatament issejħet ambulanza b’tim mediku li ħadet lill-Ungeriż l-Isptar Mater Dei.
Bil-każ kienet ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farrugia Frendo li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistu.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.