Bulgaru ta’ 38 sena miet kawża tal-ġrieħi li ġarrab f’inċident tat-traffiku li seħħ il-Ħadd li għadda fiż-Żejtun.
Il-każ seħħ il-Ħadd li għadda għall-ħabta tat-tmienja neqsin kwart ta’ filgħaxija fi Triq il-President Anton Buttiġieġ.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li kien seħħ inċident bejn mutur Honda 600 Hornet misjuq mill-vittma, u vann tal-għamla Mitsubishi li kien qed jinstaq minn raġel ta’ 63 sena miż-Żejtun.
Is-sewwieq tal-mutur ingħata l-għajnuna minn tim mediku, u wara ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn instab li ġarrab ġrieħi serji.
L-inkjesta Maġisterjali b’rabta ma’ dan il-każ qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace.