Miet David Bennett, Amerikan ta’ sebgħa u ħamsin sena, li kien l-ewwel persuna fid-dinja li għamel trapjant tal-qalb ta’ ħanżir li kienet modifikata ġenetikament.
Lura f’Jannar, proprju wara l-operazzjoni, it-tobba qalu li r-raġel kien jinsab fi stat ta’ saħħa tajjeb, tlett ijiem wara l-proċedura esperimentali ta’ seba’ sigħat f’Baltimore.
It-trapjant kien meqjus bħala l-aħħar tama għar-raġel, għalkemm il-futur tiegħu għal ħajja twila u b’saħħitha b’din il-qalb ma kienx wieħed ċar.
Jum qabel l-operazzjoni, ir-raġel qal mal-midja li jew jagħmel dan it-trapjant jew imut u għalkemm dieħel għal esperiment, sostna li din kienet l-aħħar għażla li fadallu.
It-tobba fiċ-Ċentru Mediku tal-Università ta’ Maryland kienu ngħataw permess speċjali mir-regolatur mediku Amerikan biex jagħmlu l-proċedura, fuq il-bażi li mingħajrha, Bennett kien se jmut.