It-Tlieta filgħodu ħalla din id-dinja l-Professur Hector Galea, speċjalista veteran fil-qasam tad-dentistrija fis-servizzi tas-saħħa Maltija.
Il-Professur, li fl-2015 kien onorat bil-Midalja tal-Ordni tal-Mertu Nazzjonali waqt iċ-ċerimonja ta’ Jum ir-Repubblika, jibqa’ magħruf għas-sehem twil tiegħu fis-servizzi tal-kura tas-saħħa lokali, waqt li fis-sebgħinijiet kien ukoll fost dawk li baqgħu jservu lil pajjiżhom waqt l-istrajk tat-tobba.
Fil-fatt, il-Professur Galea kien l-uniku wieħed dak iż-żmien li baqa’ jmexxi waħdu l-Fakultà tad-Dentistrija fl-Università u d-Dipartiment tad-Dentistrija tal-Gvern.
Minbarra hekk, hu waqqaf diversi korsijiet assoċjati mal-professjoni tiegħu għall-istudenti lokali, waqt li sussegwentement serva wkoll bħala espert forensiku tal-Qorti.