Tħabbret il-mewt tal-Professur Edwin Grech fl-età ta’ 94 sena.
It-Tabib Grech huwa missier Karin Grech, li nqatlet innoċentament permezz ta’ ittra bomba indirizzata lilu.
Edwin Grech irrappreżenta lill-poplu fil-Parlament f’isem il-Partit Laburista f’żewġ leġiżlaturi: is-seba’ waħda jiġifieri ta’ bejn 1992 u 1996 u t-tmien waħda ta’ bejn l-1996 u 1998. Huwa serva bħala Ministru għas-Sigurtà Soċjali.
Fl-1999, il-Mexxej tal-Partit Laburista u dakhinar Kap tal-Oppożizzjoni, Alfred Sant, kien innominah għall-kariga ta’ President tar-Repubblika imma l-Gvern ta’ Eddie Fenech Adami ma kienx aċċetta.
Wara li wettaq l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta, Grech iggradwa bħala spiżjar u imbagħad bħala tabib. Huwa speċjalizza fir-Renju Unit bħala Ġinekologu.
Fl-1977, il-Professur Grech irritorna Malta u nħatar Professur u Direttur tad-Dipartiment tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija fl-Isptar San Luqa u fl-Università ta’ Malta, karigi li żamm sal-1987.
F’kitba fuq Facebook, Il-Prim Ministru Robert Abela sellem il-memorja tal-Professur Edwin Grech.
Huwa qal kif Grech kien persuna li ta kollox għal pajjiżu u għall-pazjenti li tant kellu għal qalbu.
“Għamel dan mill-Professjoni u mill-politika. Għamel sagrifiċċji kbar u għax ġab lil ħaddieħor qablu spiċċa ħallas bil-qtil ta’ bintu Karin” saħaq Dr. Abela.
Il-Partit Laburista qal li Edwin Grech jibqa’ mfakkar bħala t-tabib li ġab lil kulħadd qablu u li ħadem b’tant sagrifiċċju għall-pazjenti tiegħu u għal pajjiżu. Il-Partit Laburista bagħat il-kondoljanzi sinċiera lill-familja u l-qraba tal-Professur Edwin Grech għat-telfa tagħhom.
Anki l-President ta’ Malta, George Vella, sellem il-memorja ta’ Edwin Grech u ddeskrivieh bħala politiku onest u ġentlom. Huwa stqarr li il-professur Grech dejjem poġġa l-interess tal-pazjent l-ewwel u qabel kollox.
Sfortunatament, ħallas prezz ferm qares meta ried jaqdi l-missjoni tiegħu ta’ tabib.
L-għomor lill-qraba u l-għeżież tiegħu kollha.
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, f’ismu u f’isem il-Membri kollha tal-Kamra esprima sentimenti ta’ sogħba għall-aħbar tal-mewt. Huwa sellem il-memorja tiegħu, il-ħidma li wettaq fil-Kamra fis-seba’ u t-tmien Leġiżlatura bejn l-1992 u l-1998, u s-sagrifiċċju li għadda minnu biex jara lil pajjiż jimxi ‘l quddiem.
Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ukoll fakkar il-memorja ta’ zijuh, il-Professur Grech.
Huwa qal kif Edwin Grech kien bniedem li “għamel biss ġid u pattewulu bl-agħar deni li seta’ jkun, il-qtil tal-għażiża bintu Karin – id-dawl t’għajnejh.”