Id-Duka ta’ Edinburgh, il-Prinċep Filippu miet.
Il-Palazz ta’ Buckingham ikkonferma li miet ir-raġel tar-Reġina Eliżabetta II.
Huwa miet dalgħodu f’Windsor Castle fl-età ta’ 99 sena.
Ftit taż-żmien ilu, il-Prinċep Filippu huwa kien rikoverat l-isptar fejn kien sarlu intervent f’qalbu.
Id-Duka kellu rabta speċjali ma’ pajjiżna u kemm-il darba żar Malta.
Huwa kien stazzjonat bħala uffiċjal navali f’Malta bejn l-1949 u l-1951.
Il-Prinċep kien jgħix ma’ dak iż-żmien il-Prinċipessa Eliżabetta f’Villa Guardmangia.
L-aħħar żjara tiegħu f’Malta kien fl-2015 meta akkumpanja lir-reġina għal-laqgħa tal-kapijiet tal-Gvern tal-pajjiżi tal-Commonwealth li kienet saret f’Malta.
Intant, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qal li d-Duka ta’ Edinburgh għex ħajja straordinarja.
Huwa ta l-kondoljanzi lir-Reġina Eliżabetta II u lill-familja rjali.
Stqarr li r-Renju Unit huwa magħqud fis-sogħba għat-telfa tal-Prinċep Filippu u juri gratitudni għas-servizz li ta lill-pajjiżu.
Il-President ta’ Malta George Vella laqa’ din l-aħbar b’dispjaċir u wassal il-kondoljanzi f’isem il-poplu Malti u Għawdxi lir-Reġina Eliżabetta II, lill-familja rjali u lill-poplu tar-Renju Unit, f’dawn iż-żminijiet diffiċli.
Il-Prim Ministru Malti Robert Abela wkoll esprima s-sogħba tiegħu għall-mewt tal-Prinċep Filippu, li ġie Malta kemm-il darba.
Huwa sostna li l-poplu Malti se jibqa’ jgħożż il-memorja tad-Duka.
Il-Prim Ministru Robert Abela ta l-kondoljanzi lir-Reġina Eliżabetta II u lill-familja rjali.