Tħabbret il-mewt tal-preżentatur Taljan Fabrizio Frizzi, fl-età ta’ sittin sena. Frizzi kien qed jinżamm l-isptar Sant’Andrea f’Ruma fejn tilef ħajtu kawża ta’ emoraġija f’moħħu.
Kien lura f’Ottubru li Frizzi ntilef minn sensieh waqt li kien qed jirrekordja programm bl-isem ta’ L’eredità fuq ir-RAI. Wara ftit jiem fl-isptar, huwa kien irritorna fil-programm f’Diċembru.
Kienu l-qraba tiegħu li ppubblikaw l-aħbar b’nota fejn fiha qalu “Grazzi Fabrizio tal-imħabba kollha li tajtna tul is-snin.” Huw għalaq sittin sena fil-5 ta’ Frar li għadda. Minkejja l-marda kiefra li laqtitu, Frizzi baqa’ pożittiv u stqarr li jekk ifiq kien se jirrakkonta kollha fid-dettall bil-għan li tiżdied ir-riċerka li fi kliemu kienet hi li kienet qed tgħinu.Frizzi kien wieħed mill-aktar uċuh maħbuba fuq it-televiżjoni Taljan. Magħruf u maħbub minn bosta għax-xogħol li wettaq matul il-karriera tiegħu.
Karriera li erbgħin sena minnha qattagħha fir-Rai, l-istazzjon li fih kien beda l-karriera fit-televiżjoni lura fit-tmeninijiet meta kien għad kellu għoxrin sena. Huwa kien intgħażel biex jippreżenta l-programm tat-tfal, Il barattolo.
Frizzi għamel ukoll ħmistax-il sena sħaħ jidderieġi Miss Italia wieħed mill-akbar spettakli fl-Italja.
Huwa kien ukoll il-vuċi uffiċjali taljana ta’ Woody the Cowboy, wieħed mill-karattri ewlenin f’Toy Story.
Intant, Frizzi kien ukoll ġie f’pajjiżna lura fl-elfejn u sebgħa, biex jippreżenta kunċert ta’ Claudio Baglioni.