Il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli miet fl-età ta’ 65 sena.
Din kellha tkun l-aħħar ġimgħa għal Sassoli bħala President tal-Parlament Ewropew hekk kif il-ġimgħa d-dieħla se ssir l-elezzjoni għal kariga.
Kelliem ta’ Sassoli kkonferma l-mewt tiegħu li seħħet fis-1:15am fi sptar f’Aviano, fl-Italja.
Sassoli ddaħħal l-isptar l-għada tal-Milied minħabba kumplikazzjonijiet serji li żviluppawlu kawża ta’ problemi fis-sistema immunitarja tiegħu.
F’Settembru, fi Strasburgu, huwa kien rikoverat l-isptar minħabba pneumonia.
Sassoli kien ġurnalist u politiku ċentru xellugi ġej mill-kamp Soċjal Demokratiku.
Huwa kienu ilu membru tal-Parlament Ewropew sa mill-2009 u beda jippresiedi s-seduti tal-Parlament Ewropew wara li laħaq flok Taljan ieħor, Antonio Tajani.
Fuq twitter il-Prim Ministru sellem il-memorja ta’ Sassoli u qal li l-kontribuzzjoni ta’ David Sassoli fil-Parlament Ewropew għal iktar solidarjetà u t-tisħiħ tad-demokrazija se tibqa’ tgħix.
L-ewwel żjara uffiċjali ta’ Dr Robert Abela bħala Prim Ministru ta’ Malta sentejn ilu kienet tinkludi laqgħa ma’ David Sassoli.
Dakinhar, Sassoli kien laqa’ lil Prim Ministru Malti u kien awguralu tal-ħatra.