Matul l-għodwa tal-Erbgħa filgħodu, il-plejer leġġendarju Taljan Salvatore Schillaci, magħruf aħjar bħala Totò Schillaci, miet fl-età ta’ 59 sena wara battalja kontra tumur u kien jinsab rikoverat l-isptar.
Schillaci, li kien wieħed mill-istilel tat-tim Nazzjonali Taljan fl-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-1990, kellu karriera ta’ 15-il sena li ratu jilgħab mat-timijiet ta’ Messina, Juventus, Inter, u fil-Ġappun ma’ Jubilo Iwata.
Fit-Tazza tad-Dinja tal-1990, li kienet propju ntlagħbet fl-Italja u tibqa’ mfakkra għan-‘Notti Magiche’, Schillaci kien l-istilla tat-tim fejn, f’dik l-edizzjoni, hu skurja 6 goals u għaldaqstant rebaħ l-unur ‘Golden Boot’. Aktar minn hekk, fl-istess Tazza tad-Dinja, hu rebaħ ukoll l-unur tal-aqwa plejer tat-tournament.