William Salice, l-kreatur tal-bajda taċ-ċikkulata tant popolari mat-tfal, Kinder Surprise, miet il-Ħamis fl-etá ta’ 83 sena fl-Italja.
Huwa kien qed jingħata kura medika wara li sofra minn puplessija. Dan ġie kkonfermat mill-fondazzjoni tiegħu Color your life u l-midja Taljana.
Salice ngħaqad mal-kumpanija magħrufa għaċ-ċikkulata, Ferrero fl-1960 u kien l-id il-leminija ta’ Michele Ferrero li kien imexxi l-istess kumpanija li miet fl-2015.
Kien fl-1970, meta William Wallice kien qed jara kif isib alternattiva biex il-bajd tal-Għid jibqa’ jinbiegħ matul is-sena kollha u mhux biss fi ‘żmienu’.
Ir-riżultat kienet propju l-famuża, Kinder Surprise, bajda taċ-ċikkulata li fiha jkun hemm rigal ċkejken għat-tfal.
Tajjeb li ngħidu li l-kumpanija Ferrero għamlet qliegħ sostanzjali mill-Kinder Surprise hekk kif irnexxiela tbiegħ biljuni minn din iċ-ċikkulata għal dawn l-aħħar 40 sena.