Il-kantant leġġendarju Tony Bennett, li hu magħruf għal diċenji ta’ suċċessi u rekords, minbarra prestazzjonijiet ma’ bosta artisti oħrajn kbar, bħal Frank Sinatra, u aktar riċenti Lady Gaga, miet illum fl-għomor ta’ 96 sena.
Waqt li biegħ miljuni kbar ta’ diski u rebaħ 20 Grammy Award f’karriera li tmur lura għall-ħamsinijiet, kien magħruf għal diversi kanzunetti famużi, fosthom il-klassiċi ‘Stranger in Paradise’, ‘Because of You’ u ‘I Left My Heart in San Francisco’, fost ħafna oħrajn.
L-ewwel album kien ippubblikah fl-1952 meta kellu 26 sena.
Bennett miet f’belt twelidu, New York City, u kien għadu mhux ċar x’wassal għal mewtu. Minkejja dan, fl-2016 instab li kien qed ibati mill-marda tal-Alzheimer’s u saħħtu bdiet sejra lura minn dak iż-żmien ’l hawn.