Il-ġgant tal-mużika Quincy Jones, li l-legat tiegħu jvarja mill-produzzjoni tal-album storiku ta’ Michael Jackson “Thriller”, għall-kollaborazzjoni ma’ Frank Sinatra, Ray Charles u mijiet ta’ artisti kbar oħra, miet fl-età ta’ 91 sena.
Dan ħabbru l-uffiċjal tal-komunikazzjoni ta’ Jones, Arnold Robinson fejn ikkonferma li hu kien miet fid-dar tiegħu f’Bel Air Los Angeles il-Ħadd filgħaxija fil-preżenza tal-familja tiegħu.
Matul karriera ta’ aktar minn 70 sena, Jones rebaħ 28 Grammy Award minn 80 nominazzjoni. Huwa kien wieħed mill-ewwel eżekuttivi suwed ta’ suċċess f’Hollywood u kellu katalogu mużikali straordinarju li kien jinkludi uħud mill-aktar mumenti rikki tal-mużika Amerikana.
Kien hemm żmien li kien impossibbli għad-dilettanti tal-mużika li ma jkollhomx mill-inqas diska waħda tiegħu jew li nies fl-industrija mużikali ma jkollhomx xi konnessjoni miegħu.
Ir-rivista Time kienet ukoll innominatu bħala wieħed mill-aktar mużiċisti tal-jazz influwenti fis-seklu 20.
Jones kellu konoxxenzi li jvarjaw minn presidenti u mexxejja barranin, stilel taċ-ċinema u mużiċisti, filantropi u mexxejja ta’ negozji kbar. Kien ukoll organizza l-ewwel ċelebrazzjoni inawgurali ta’ Bill Clinton u ssorvelja r-rekording tal-1985 “We Are The World” li kienet intenzjonata li tiġbor fondi għall-dawk li kienu jbatu l-ġuħ fl-Afrika.
Huwa wkoll kien is-suġġett tad-dokumentarju tal-1990 “Listen Up: The lives of Quincy Jones” u film tal-2018 ta’ bintu Rashida Jones .
Huwa kellu sebat itfal u kien miżżewweġ tliet darbiet lil Jeri Caldwell, Ulla Andersson u Peggy Lipton.