Il-kritiku voċiferu ta’ Vladimir Putin u mexxej tal-Oppożizzjoni Russa, Alexei Navalny, miet fil-ħabs li kien qed jinżamm fih riċentament.
Lura f’Diċembru, Alexei Navalny, tmexxa f’IK-3 penal coloni li jinsab fir-raħal ta’ Kharp, 1,900km minn Moska.
Dan il-ħabs hu meqjus bħala wieħed mill-aktar stretti li jeżistu, magħruf ukoll bħala Polar Wolf.
Navalny kien bniedem voċiferu fil-kritika tiegħu fil-konfront tal-President Russu, Vladimir Putin, u ilu l-ħabs mill-2021 fuq akkużi li kienu motivati politikament.
Kelliema għal Navalny, Kira Yarmysh, qalet kif it-tim tiegħu għad iridu jirċievu konferma tal-mewt tiegħu iżda l-avukat tiegħu bħalissa qed jivvjaġġa lejn is-Siberja.
S’issa ma kien hemm ebda ħjiel dwar x’inhi r-raġuni wara l-mewt ta’ Navalny madankollu uffiċjali tal-ħabs qalu li Navalny ma kienx qed iħossu sew wara mixja li għamel il-Ġimgħa u immedjatament wara ntilef minn sensih.
Ġie spjegat ukoll kif tim mediku ssejjaħ mal-ewwel fuq il-post madankollu ma rnexxilhomx isalvawh.
Lura f’Awwissu, Navalny nstab ħati li kien il-fundatur u li ffinanzja organizzazzjoni estremista, liema akkużi hu dejjem ċaħad. Hu nstab ħati u ngħata sentenza ta’ 19-il sena ħabs oħra wara li kien diġà ngħata disa’ snin ħabs fuq akkużi ta’ frodi fost oħrajn.
Omm Navalny spjegat kif l-aħħar li kellmet lil binha, fit-12 ta’ Frar, u rrimarkat kif kien ħaj, fi stat ta’ saħħa tajba u kuntent.
Intant f’messaġġ fuq X, il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela, esprima s-sogħba tiegħu għal din l-aħbar fejn sejjaħ lil Navalny bħala bniedem li kien leali u kommess lejn id-demokrazija. Abela wassal il-kondoljanzi lill-qraba tiegħu.
Devastating news has emerged regarding the passing of Alexei Navalny, a staunch champion of democracy. My heartfelt condolences go out to his family. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) February 16, 2024
Miegħu ngħaqad ukoll il-Ministru għall-Adfarijiet Barranin Ian Borg li ddeskriva lil Navalny bħala difensur għad-Drittijiet fundamentali u li dejjem ippromwova l-ħelsien u d-demokrazija fir-Russja. Borg sejjaħ ukoll fuq l-awtoritajiet Russi sabiex jixħtu aktar dawl fuq il-kawża tal-mewt ta’ Navalny filwaqt li wkoll wasal il-kondoljanzi tiegħu lil martu u t-tfal tiegħu.