Tħabbret il-mewt tal-Kavallier Malti, Fra John Edward Critien, fl-età ta’ tlieta u sebgħin sena, li aktar kmieni din is-sena nħatar Gran Prijur ta’ Ruma.
Huwa kien wieħed miż-żewġ Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann li jgħix f’Malta, fil-Forti Sant’Anġlu.
Fra John twieled f’Tas-Sliema fid-29 ta’ Settembru tal-elf disa’ mija u disgħa u erbgħin. Sar membru tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-elf disa’ mija u tlieta u tmenin, u għaxar snin wara, sar Kavallier tal-Ordni ta’ San Ġwann.
Fra John kien ukoll membru onorarju tal-kapitlu tal-Knisja Konventwali u Kolleġġjata ta’ San Lawrenz fil-Birgu.
Huwa serva wkoll għal xi żmien bħala l-Gran Kanċillier tal-Ordni ta’ Malta.
L-Ordni ta’ San Ġwann espremiet id-dieqa tagħha għall-mewt ta’ wieħed minn ħutha.
Il-President ta’ Malta George Vella qal kif jinsab imnikket bl-aħbar tal-mewt ta’ Fra John Edward Chretien, u wassal il-kondoljanzi lill-qraba u l-għeżież tiegħu.
Is-sajf li għadda, ONE News tkellem mal-Kavallier Malti, ftit wara li nħatar fil-kariga ta’ Gran Prijur ta’ Ruma. Huwa kien tkellem magħna dwar l-għajnuna li tingħata.
“L-għajnuna hija għal min għandu bżonn, jista’ jkun Lhudi, jista’ jkun Musulman, jista’ jkun ateu, jista’ jkun li jrid imma l-interess tagħna huwa li nsaqsi lin-nies mhux x’inhu r-reliġjon tiegħek, imma x’għandek bżonn mingħandi.”