Tħabbret il-mewt tal-Kardinal Malti Prospero Grech. Huwa miet fl-għomor ta’ 94 sena fl-Italja.
Rapporti fil-midja Taljana qalu li l-kardinal li għadu kif għalaq sninu f’lejlet il-Milied, miet ftit tal-ħin wara li ttieħed l-isptar.
Il-Kardinal li kien ukoll patri Agostinjan twieled il-Birgu u kien it-tieni Kardinal fl-istorja ta’ Malta. Huwa kien inħatar Kardinal fl-istat tal-Vatikan mill-Papa Emeritu Benedittu Sittax fil-Bażilika ta’ San Pietru waqt laqgħa pubblika magħrufa bħala konċestisjorju fi Frar ta’ 8 snin ilu. Huwa kien ingħata t-titlu titulari ta’ Arċisqof ta’ Santa Leone f’Ruma.
Il-Papa Emeritu kien qal li Prospero Grech kien iddistingwa ruħu fl-impenn u s-servizz tiegħu fil-Knisja u għalhekk innominah biex ikun rappreżentant fl-ogħla organu tal-knisja Kattolika, il-kulleġġ tal-Kardinali.
F’kummenti ma’ ONE News l-Ambaxxatur Malti għall-Vatikan Frank Zammit ddeskrivieh bħala bniedem kariżmatiku tant li tal-età tiegħu kien isuq lambretta minkejja li bosta kienu jwissuh dwar dan.
Zammit stqarr li sa kmieni t-Tnejn filgħodu kien għadu kif ċempillu sabiex ikellmu dwar Malta. Huwa qal: “Il-Kardinal Grech kien bniedem intelliġenti ħafna fost l-iktar nies intelliġenti fid-dinja bi spirtu, b’sense of humour kbir. Dejjem isaqsini għal Malta, ilu 60 sena nieqes minn Malta, Agostinjan dejjem ħadem viċin il-Vatikan anki fid-duttrina tal-fidi ma’ Joseph Ratzinger però dejjem baqa’ isemmi lil Malta, attached ma’ Malta. Dejjem isaqsi għal Malta.”
Apparti d-dedikazzjoni tiegħu lejn il-Knisja, il-Kardinal kien magħruf ukoll għall-passatemp tiegħu tal-fotografija li ħaddan għal 70 sena sħaħ.
Kien proprju f’Ottubru li għadda li dan l-istazzjon żar esebizzjoni mimlija b’ritratti li ħa l-Kardinal li kienet biss togħma żgħira mill-kollezzjoni ta’ mijiet ta ritratt li ġibed tul is-snin. Esebizzjoni tant għal qalbu għaliex kienet b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Il-Kardinal Grech kien stqarr magħna: “Dan kieku żammejthom id-dar jew xi ħaġa hekk għax mhumiex ritratti ngħidu aħna ta’ xi espert kbir for photography’s sake qed tifhem, imma hija skuża nsomma biex niġbru xi ħaġa għall-mediċini.”
L-aħbar tal-mewt tiegħu wassal għal bostra reazzjoni fosthom mill-Partit Laburista li fakkar il-memorja tiegħu b’mod speċjali bis-sehem li ta favur il-paċi fiż-żmien id-dnub il-mejjet.
Il-Provinċja Agostinjana Maltija li fiha kien jifforma parti l-Kardinal qalet li tinsab imnikkta bil-mewt ta’ Prospero Grech. Qalet li warajh ħalla kotra ta’ persuni sogħbiena għal din it-telfa u grati għal dak kollu li kien u dak kollu li wettaq matul ħajtu
Id-dettalji dwar il-funeral tiegħu ser jingħataw fis-sigħat li ġejjin.
Ara wkoll:
http://www.one.com.mt/2019/12/31/il-funeral-se-jsir-il-hamis-il-vatikan-u-d-difna-se-ssir-malta/