Pollakk ta’ 36 sena huwa l-ħames vittma tal-attakk fuq is-suq tal-Milied fi Strasburgu tilef ħajtu tard il-Ħadd filgħazija.
Barto Pedro Orent-Niedzielski, il-ħames vittma, flimkien mal-ġurnalist Antonio Megalizza, ipprova jwaqqaf lill-aggressur milli jidħol fi stabbiliment tax-xorb waqt l-attakk. Il-ġurnalist kien ir-raba’ vittma ta’ dan l-attakk terroristiku.
Cherif Chekatt, l-aggressur, inqatel mill-Pulizija l-Ħamis li għadda, jumejn wara l-attakk. Qarib tiegħu qed jinżamm arrestat mill-Pulizija biex jgħin fl-investigazzjonijiet.
Intant, mijiet ta’ persuni fakkru l-vittmi ta’ dan l-attakk f’ċerimonja l-Ħadd filgħaxija. S’issa, għaxar persuni għadhom qed jingħataw il-kura fi sptar fl-inħawi, fejn xi wħud minnhom qed isofru ġrieħi serji.