L-Ordni sovran ta’ Malta ħabbar li miet l-Granmastru Fra’ Giacomo Dalla Torre del Tempio di Sanguinetto.
L-emminenza tiegħu kien it-tmenin Granmastru tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm li ilu mwaqqaf għal kważi elf sena.
Fuq is-sit uffiċjali tal-ospidalieri tħabbret b’dieqa l-mewt tal-Granmastru li miet fl-età ta’ 75 sena wara marda terminali li sar magħruf li għandu ftit tax-xhur ilu.
Huwa miet f’Ruma ftit wara nofs il-lejl tal-Erbgħa.
Nhar il-Ħadd, Fra’ Giacomo Dalla Torre del Tempio di Sanguinetto kellu jagħlaq sentejn minn mindu beda jmexxi l-Ordni li għadu jagħmel xogħol fejjiedi mal-morda u dawk vulnerabbli.
Fi Frar li għadda, il-Granmastru iltaqa’ anki mal-President ta’ Malta, George Vella.
F’Sant’Anġlu spikkat il-bandiera tal-Ordni li ttajret mezzasta, b’sinjal ta’ rispett għall-mewt tal-granmastru.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija Ordni Sovrana ta’ Malta, il-Marchesino Daniel de Petri Testaferrata spjegalna l-umanità li kien mogħni biha l-Granmastru Dalla Torre del Tempio di Sanguinetto.
Huwa ddeskrivieh: “Kien bniedem umli, bniedem qaddis. Bniedem illi ddedika ruħu għall-Ordni ta’ Malta.”
Sakemm issir elezzjoni, il-kap kmandant Fra’ Ruy Gonçalo do Valle Peixoto de Villas Boas qed jassumi t-tmexxija tal-Ordni iżda de Petri Testaferrata spjega t-triq ‘il quddiem biex issir l-elezzjoni li tista tkun ftit kumplessa minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
De Petri Testaferrata sostna: “Ġeneralment il-logutenent għandu tliet xhur ċans biex isejjaħ il-kapitlu, l-council complete però f’dan il-każ naħseb illi jista’ jkun li l-logutenenza tista’ testendi ruħha, fil-fatt għandna preċedenti oħrajn fejn il-logutenenza ġiet estiża u jiena nimmaġina illi hekk se jiġri f’dan il-każ ukoll. Biss jekk il-bambin irid ikollna ċ-ċans illi dan il-COVID-19 jisparixxi u allura l-proċess ikompli kif suppost.”
Fit-tellieqa għall-għażla ta’ Granmastru hemm ukoll kavallier Malti, Fra’ John Edward Critien li anki għamel ħames snin parti mill-kunsill tal-Ordni.
Granmastru jinħatar biex imexxi l-Ordni sovran ta’ Malta għal ħajtu u l-elezzjoni ssir fost il-Kavallieri biex xi ħadd jidħol fit-tmexxija mill-palazz Maġisterjali f’Ruma.
L-Ordni jwieġeb direttament lill-Papa u huwa meqjus bħala l-iżgħar stat sovran fid-dinja.
Intant, il-President ta’ Malta George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo esprimew s-sogħba tagħhom għall-mewt tal-Granmastru tal-Ordni ta’ San Ġwann.