It-Tnejn waranofsinhar, tħabbret il-mewt tal-leġġenda tal-futbol, il-Ġermaniż Franz Beckenbauer, fl-età ta’ tmienja u sebgħin sena. Hu rebaħ it-Tazza tad-Dinja darbtejn, darba bħala plejer u darba oħra bħala kowċ tat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu.
Id-difensur Ġermaniż kien ikona tal-futbol, fejn lagħab b’kollox mija u erba’ logħbiet mat-tim nazzjonali tal-Ġermanja tal-Punent.
“Der Kaiser”, kif kien magħruf, kien il-captain tal-Ġermanja meta fl-elf disa’ mija erbgħa u sebgħin (1974) rebħu dik l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja u sittax-il sena wara, jiġifieri fl-elf disa’ mija u disgħin (1990) mexxa lil pajjiżu bħala kowċ, fejn rebaħ ukoll dik l-edizzjoni.
Huwa rebaħ ukoll il-Kampjonat Ewropej tal-Futbol u anki l-Ballun tad-Deheb.
Fil-karriera tiegħu, id-difensur Ġermaniż lagħab mat-tim ta’ Bayern Munich u rebaħ il-kompetizzjoni Ewropea tal-futbol, dik li llum hi magħrufa bħala ċ-Champions League tliet darbiet konsekuttivi bejn l-elf disa’ mija erbgħa u sebgħin u l-elf disa’ mija sittin u sebgħin.
Imwieled fi Munich f’Settembru tal-elf disa’ mija, ħamsa u erbgħin, Beckenbauer għamel d-debut tiegħu mal-Bayern Munich fl-elf disa’ mija, erbgħa u sittin.
Fl-eqqel tal-karriera tiegħu, fis-sena meta rebaħ it-Tazza tad-Dinja u ċ-Champions League, Franz Beckenbauer żar pajjiżna fejn lagħab kontra t-tim nazzjonali Malti fl-Istadium tal-Gżira. F’Diċembru tal-elf disa’ mija, erbgħa u sebgħin (1974), il-Ġermanja tal-Punent għelbet lil Malta bl-iskor ta’ wieħed b’xejn.
Fl-aħħar tas-seklu li għadda, id-difensur Ġermaniż kien intagħżel mal-aqwa tim tas-Seklu Għoxrin.