It-Tnejn filgħodu tħabbret il-mewt ta’ Eric Saliba, li fis-snin disgħin fil-bidu tal-istazzjonijiet ONE, dak iż-żmien ta’ Super One, kien kontributur ewlieni fil-kamra tal-aħbarijiet.
Hu kien wieħed mill-pijunieri u kien jikkordina l-kamra tal-aħbarijiet u jagħti sehmu wkoll fil-gazzetta tal-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien, “Il-Ħelsien”.
Hu wkoll għamel xi żmien jaqra l-bulettini fuq ir-radju u fl-istess waqt kien iħarreġ lill-ġurnalisti fil-qari tal-aħbarijiet. Fil-bidu tat-taqsima tal-aħbarijiet kull tmiem il-ġimgħa, kien ikun ta’ spalla għall-ġurnalisti li kienu għadhom fil-bidu tal-karriera tagħhom.
Saliba, li kien daħħal sens ta’ organizzazzjoni meta l-bidu kien wieħed iebes, ġie deskritt minn dawk li ħadmu miegħu fil-qrib, bħala ġentlom u ħawtiel f’xogħlu u f’kull ma kien jagħmel.
Min-naħa ta’ ONE News nagħtu l-kondoljanzi lil qrabatu, fosthom lil martu u ż-żewġ uliedhom.