Fl-età ta’ 67, l-attur u kantant Amerikan David Cassidy ħalla din id-dinja.
Cassidy jista’ jitqies bħala idolu tal-mużika pop tas-sebgħinijiet.
Stqarrija maħruġa mill-familja tal-kantant qalet li Cassidy miet imdawwar b’nies li ħabb u ħabbewh, u meħlus mill-uġigħ li ħakmu għal tant żmien.
Aktar kmieni din is-sena l-kantant kien qal li għandu d-dimensja u kien se jieqaf mit-tours biex fi kliemu “igawdi l-ħajja”.
Cassidy twieled fi New York f’familja li diġà kienet midħla sew tal-industrija tad-divertiment, hekk kif missieru bħalu kien kantant u attur u ommu kienet attriċi.
F’karriera ta’ suċċess kemm fil-mużika kif ukoll fir-reċtar, David Cassidy irċieva diversi nomini tal-Grammy u biegħ aktar minn tletin miljun record madwar id-dinja.