Tħabbret il-mewt ta’ Sam Panopoulos, l-inventur tal-pizza bl-ananas li miet din il-ġimgħa fl-età ta’ 83 sena.
Għalkemm din hi xi ħaġa li llum il-ġurnata narawha ta’ spiss bħala għażla fir-ristoranti, xorta waħda tibqa’ bħala suġġett li bosta jibqgħu jilmentaw li din il-frotta ma kellha qatt tkun bħala ingredjent.
Panopoulos hu r-raġel Kanadiż li ħoloq il-pizza Ħawajana. Hu miet il-Ħamis li għadda l-isptar.
Panopoulos emigra l-Kanada mill-Greċja fl-1954 meta kellu biss 20 sena, fejn eventwalment kien sid ta’ diversi ristoranti madwar il-pajjiż flimkien ma’ ħuh.
Kien propju wieħed minn dawn ir-ristoranti li fl-1962 Panopoulos ġie ispirat biex juża l-frotta ananas għal fuq il-pizza.
Lura fi Frar, hu rrakkonta mal-BBC kif hu u ħuh ġiethom din l-idea, pizza bl-ananas u bil-perżut.
“Qbadna u poġġejna l-ananas fuq il-pizza biex naraw x’togħma jkollha. Konna għadna żgħar fin-negozju u bdejna nesperimentaw f’dak li bdejna nagħmlu,” irrakkonta Panopoulos.
Iżda esperiment li forsi kien daħka bejn tnejn intogħġob mill-klijent u kien minn hemm li dan l-ingredjent ħa l-fama tant li llum il-ġurnata saret waħda mill-għażla li wieħed ikollu fuq il-menù.