Miet ir-raġel li fuqu sparat il-Pulizija Belġjana wara li attakka żewġ uffiċjali b’sikkina kbira fil-belt Charleroi. Dan filwaqt li ż-żewġ nisa pulizija mhumiex fil-periklu tal-mewt.
Qed jingħad li l-aggressur għajjat Allahu Akbar waqt l-attakk tiegħu barra l-għassa ewlenija tal-pulizija fl-istess belt.
Il-Prim Ministru Belġjan Charles Michel, f’kollegament telefoniku, qal li l-ewwel indikazzjonijiet juru li dan kien att terroristiku.
Rapporti qed jgħidu li l-istess Prim Ministru temm ħesrem il-vaganza tiegħu fi Franza u se jmur lura l-Belġju għal laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali.
Charleroi ntużat bħala l-bażi minn diversi jihadisti li kienu involuti fl-attakki f’Pariġi ta’ Novembru li għadda u fi Brussell iktar kmieni din is-sena.