Fl-età ta’ 68 sena, tħabbret il-mewt ta’ Charles Miceli.
Huwa beda l-karriera tiegħu bħala apprentist umbad ġurnalist mal-Union Print f’Settembru tal-1964 u għal tletin sena ħadem bħala voluntier ma Karitas Malta. Huwa waqqaf ukoll il-Grupp Alleanza Kontra l-Faqar u permezz tal-vuċi tiegħu serva ta’ spalla għal ħafna li sofrew minn din ir-realtà.
Il-Partit Laburista sellem il-memorja ta’ Charles Miceli, għal snin twal attivist ewlieni fost dawk bl-inqas vuċi fis-soċjetà Maltija.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li Charles Miceli dejjem iddistingwixxa ruħu bħala bniedem ta’ prinċipji mill-iktar sodi, li filwaqt li dejjem fehem kif jinbidlu ż-żminijiet baqa’ sod favur il-vurnerabbli.
Charles Miceli li sa ftit tal-jiem ilu kien qed jitkellem mal-Gvern fuq proposti dwar dak li għandu jsir fil-qasam tal-kera f’pajjiżna anke permezz tal-Għaqda li huwa stess waqqaf, kien interlokatur ġenwin. Filwaqt li kif inhu xieraq illum infakkru l-Charles Miceli, l-ikbar tislima għandha tkun il-ħidma kontra l-faqar li filwaqt li qed tħalli l-frott trid tissokta fiż-żmien li ġej.
Il-Partit Laburista jibgħat il-kondoljanzi lil martu Pauline, Kummissarju għat-tfal, u l-familja.
So saddened to learn that Charles Miceli,a principled and critical voice on the Left,passed away. In all our meetings,I felt challenged,but comforted that ours were genuine arguments between people sharing the same goals of social justice. Our thoughts are with Pauline&family -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) March 9, 2018
Qalb il-mijiet li esprimew sogħba għal din it-telfa, Caritas Malta iddeskriviet lil Miceli bħala raġel li tul it-tletin sena li fforma parti minn din l-għaqda “ħadem bla waqfien kontra l-inġustizzji soċjali” u “kien ta’ tarka għall-persuni fil-periferija tas-socjetà u ħadem bla heda ma’ u għal dawk bla vuċi.”