Anzjan ta’ 81 sena huwa l-ħames persuna li miet wara li kien infettat bil-Coronavirus f’pajjiżna.
L-anzjan li kien qiegħed jingħata kura fl-Isptar Karin Grech u kellu kumplikazzjonijiet oħra ta’ saħħa.
Huwa miet fil-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta.
Intant waqt l-aħħar aġġornament tal-Coronavirus f’pajjiżna, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li fl-aħħar sigħat feġġew żewġ każijiet oħra tal-Coronavirus, b’wieħed minnhom huwa l-anzjan li miet.
Dawn il-każijiet feġġew minn fost 1,218-il test li saru. Il-każ l-ieħor jinvolvi raġel ta’ 44 sena li rrapporta sintomi ta’ wġigħ ta’ żaqq u dijareja fit-3 ta’ Mejju.
Biex b’dawn il-każijiet il-ġodda, in-numru total ta’ każijiet ta’ Coronavirus issa huwa ta’ 482.
Fuq nota pożittiva l-Professur Gauci qalet li fiequ erba’ persuni mill-Coronavirus biex it-total ta’ persuni mfejqa tela’ għal 403. Il-każijiet attivi niżlu għal 74.
Hija spjegat: “Il-każijiet qed ikomplu jinżlu u għalhekk aħna li bdejna ndaħħlu rilaxx ta’ ċertu miżuri bil-mod, ħalli aħna nkunu nistgħu naraw li bir-rilaxx ta’ dawn il-miżuri, bil-mitigazzjoni li daħħalna kemm jista’ jkun nibqgħu bis-sitwazzjoni ta’ numru ta’ każijiet li huma stabbli.”
Il-Professur Gauci qalet ukoll li l-każijiet ta’ persuni rikoverati fl-isptarijiet komplew jinżlu, għal total ta’ 11-il każ fl-isptarijiet. Dan filwaqt li ma fadal l-ebda persuna fit-taqsima ta’ kura intensiva.
Hija tenniet il-bżonn li l-persuni vulnerabbli ma joħorġux jekk mhux għal bżonn.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika spjegat ukoll kif għandha tintlibes sew il-maskra.
Il-Prof. Gauci sostniet: “Irid jitgħatta l-imnieħer, il-ħalq u l-geddum. Fl-ebda mument m’għandek tniżżilha taħt l-imnieħer għaliex hemmhekk titlef kull skop li int tkun liebes il-maskra. Infakkarkom li l-maskra li jkun liebes persuna ħa tipproteġi lil persuna oħra. Il-maskra li liebes persuna oħra ħa tipproteġi lilna, allura importanti li jkollna dan is-sens ta’ responsabilità u nilbsuha sewwa, anka meta nneħħuha, dawk li huma disposable itfaħħa ġo borża u armiha iktar tard.”
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/05/05/zewg-kazijiet-godda-u-4-persuni-ohra-jfiqu-mill-coronavirus-1/