Anzjan ta’ 72 sena minn Ħal Tarxien tilef ħajtu wara li aktarx waqa’ minn fuq l-irdumijiet waqt li kien qed jistad.
Il-katavru tar-raġel intlemaħ dalgħodu għall-ħabta tal-għaxra f’daħla fil-blat mill-bugħaddasa tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Dan waqt li kienet għaddejja tfittxija għalih, wara li lbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-ħdax, il-Pulizija ġiet infurmata li anzjan li aktar kmieni waranofsinhar kien mar jistad minn fuq l-irdumijiet fl-inħawi ta’ Għar Ħasan f’Birżebbuġa, ma kienx irritorna d-dar.
Fuq il-post indikat fejn l-anzjan kien qed jistad, marru l-Pulizija tad-Distrett u sabu l-vettura tiegħu flimkien ma’ xi oġġetti personali u affarijiet marbuta mas-sajd.
Minnufih bdew tfittxijiet fiż-żona mill-Pulizija u membri tal-Protezzjoni Ċivili minn fuq l-art, waqt li l-Forzi Armati assistew bi tfittxijiet fil-baħar permezz ta’ patrol boat u mill-ajru b’ħelikopter.
Il-katavru tal-anzjan iddaħħal fil-Bażi Marittima f’Xatt it-Tiben.
Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-anzjan x’aktarx waqa’ b’mod aċċidentali minn fuq l-irdumijiet waqt li kien qed jistad.
Dwar il-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ħatret inkjesta u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.