Alfred Bugeja, magħruf bħala l-“Porporina”, miet fl-aħħar ħin. Minn tagħrif li għandu ONE News jirriżulta li hu ħareġ mill-ħabs ġimagħtejn biss ilu u kien rikoverat f’dar tal-anzjani.
Waqt li kellu problemi ta’ saħħa, mhux magħruf x’wassal għal mewtu.
Il-“Porporina”, li kellu 67 sena, beda jxellef difru mal-ġustizzja sa minn età żgħira u ta’ 16-il sena ngħata l-ewwel sentenza tiegħu. Hu qatta’ l-maġġoranza ta’ ħajtu fil-ħabs kawża ta’ numru ta’ reati li nstab ħati tagħhom.
Minkejja dan, f’intervista li kienet saritlu s-sena li għaddiet waqt li kien barra fuq parole, kien iddikjara li r-reputazzjoni tiegħu u anke l-laqam wassluh biex iħallas għal iżjed milli kien jixraq.
Hu kien iwassal għadd ta’ messaġġi biex persuni oħrajn, inkluż żgħażagħ, ma jaqbdux l-istess triq li qabad hu. Fost l-oħrajn, kien irrakkonta kif 30 sena ilu kien qabad il-vizzju tad-droga mill-ħabs stess.
Tul iż-żmien li qatta’ fil-ħabs hu żżewweġ hemm ġew lil Helen Azzopardi, tieġ li wkoll qajjem kontroversja sħiħa minħabba li, fost il-mistednin, kien hemm il-Ministru tal-Intern ta’ dak iż-żmien, Louis Galea.
Dan wassal għal mozzjoni mill-Oppożizzjoni Laburista biex jiġi sfiduċjat Louis Galea u l-mod dilettantesk kif kien qed jitmexxa l-ħabs taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
Fl-1992, il-“Porporina” kien ukoll għamel l-aħbarijiet prinċipali fil-pajjiż wara li rnexxielu jaħrab minn taħt il-kustodja tal-Pulizija waqt li kien rikoverat għall-kura fl-Isptar San Luqa.
Hu spiċċa jagħmel sitt xhur maħrub qabel reġa’ ġie arrestat waqt serqa fuq ġojjellerija fil-Marsa.