Tħabbret il-mewt tal-eks Prim Ministru Taljan, Silvio Berlusconi, fl-età ta’ 86 sena.
Berlusconi kien figura ferm importanti u ħafna drabi anke kontroversjali fix-xena politika, sportiva, u tal-midja fl-Italja.
Huwa miet fl-Isptar San Raffaele f’Milan, fejn għal żmien twil kien qed jingħata l-kura għal kanċer fid-demm. Fl-aħħar sigħat iddaħħal f’kura intensiva wara li qabditu infezzjoni fil-pulmun.
Huwa serva bħala Prim Ministru tal-Italja erba’ darbiet.
Fl-1993 waqqaf il-partit politiku Forza Italia u sena wara sar Prim Ministru għall-ewwel darba, bi Gvern lemini.
Bejn l-2001 u l-2006 reġa’ ġie elett Prim Ministru tal-aktar Gvern li qatt dam fil-poter fl-Italja minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
Wara li biddel isem il-partit għal dak ta’ Il Popolo della Libertà, rebaħ ir-raba’ mandat tiegħu fl-2008.
F’dawn iż-żminijiet huwa ġie akkużat bi frodi tat-taxxa u eluf ta’ nies kienu ħarġu fit-toroq u talbu għar-riżenja tiegħu. Fil-fatt kien telaq mill-kariga fl-2011.
Fl-1 ta’ Awwissu tal-2013 Berlusconi kien instab ħati ta’ frodi tat-taxxa u għal dan kien weħel sentenza ta’ erba’ snin priġunerija.
Fl-2019, huwa ġie elett fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u rritorna fis-Senat Taljan taħt il-Gvern tal-Prim Ministru Giorgia Meloni fl-2022.
Il-midja Taljana minn dalgħodu bdiet tirrapporta kif fl-isptar fejn kien rikoverat Berlusconi, bdew jaslu uliedu, fosthom Barbara u Pier Silvio.
Bejn l-1986 u l-2017 Silvio Berlusconi kien il-proprjetarju tal-A.C. Milan. Huwa kien i-President ta’ Monza F.C, u huwa wkoll il-fundatur tal-imperu tal-midja, Mediaset.
Fl-2018, Forbes kienet poġġiet lil Berlusconi fil-lista tal-aktar nies sinjuri fid-dinja, u kellu bi€8 biljun f’assi.
Il-midja internazzjonali nnutat ukoll l-iskandli li kien daħal fihom, fosthom bi tfajliet żgħar fl-età involuti.
Intant, matul il-jum, eluf rreaġixxew għall-mewt ta’ Silvio Berlusconi, fosthom bosta mexxeja dinjija.
Fost dawn kien hemm il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela li qal kif Berlusconi ħalla impatt fl-Italja u lill’hinn.
Huwa bagħat il-kondoljanzi tiegħu lil qrabatu u lill-Poplu Taljan.
Il-Prim Ministru Taljana, Giorgia Meloni, wkoll sellmet il-memorja tiegħu u ddeskirivitu bħala wieħed mill-aktar irġiel influwenti fl-istorja Taljana.
Persuni rinomati fix-xena sportiva wkoll sellmulu u rringrazzjaw għall-impatt li ħalla fid-dinja tal-futbol.