Il-Ministru għall-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi tenna l-appell importanti li qed jagħmel il-Gvern għall-ġustizzja wara l-każ marbut mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia
Appell li l-Gvern qed jagħmel u li dwaru qed jintalab vot fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Parlament, biex kull min hu responsabbli jwieġeb quddiem il-Qrati kriminali u jew ċivili.
Fuq ix-xandir nazzjonali waqt il-programm XTRA, Zrinzo Azzopardi spjega l-inkjesta Maġisterjali, immexxija mill-Maġistrat Marseanne Farrugia, li nħatret bl-aktar mod trasparenti fuq il-każ, għandha s-setgħat u l-għodda kollha neċessarji biex tagħraf li ssir magħrufa l-verità kollha u li l-ġustizzja ma tħares lejn wiċċ ħadd.
Qal, “L-enfasi tagħna tibqa’ waħda, li sseħħ ġustizzja, ġustizzja biex min għandu xi jwieġeb, iwieġeb, b’dak li kollu li tagħti l-liġi ta’ pajjiżna. U dan irriduh li jsir bl-aktar mod spedit, bl-aktar mod, biex ngħidu hekk, fl-iqsar żmien possibbli, għax nifhem li xi ħadd ikun familjari ta’ vittma, l-istennija ta’ dawn l-inkjesti huma xi ħaġa iebsa ħafna.”
Id-diskussjoni fil-programm ta’ Saviour Balzan kompliet ukoll dwar l-iżvilupp u s-settur tal-kostruzzjoni, bil-Ministru għall-Ippjanar jgħid li rridu nitkellmu dwar aħjar milli aktar.
Qal li jrid ikun hemm qabża fil-kwalità b’direzzjoni ċara lejn is-sostenibbiltà.
Qal, “Dwar bini ta’ aktar energy efficiency, bini li d-dehra tiegħu tkun aħjar u naħseb li hemm barra hemm kunsens li dan is-settur li filwaqt li kulħadd jagħraf l-importanza tiegħu, imma naħseb li n-nies qed tistqarr b’aktar mod ċar li hemm affarijiet li hemm bżonn li jkomplu jiġġeddu. Il-fatt li inti jekk xi ħadd jiġi jagħmel proġett ħdejk, irid iħalli l-inqas impatt. U li fuq kollox l-affarijiet isiru b’mod aħjar minn dak li drajna naraw li jseħħ.”
Dwar, imbagħad, id-direzzjoni li għandu pajjiżna kien mistoqsi d-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus li, bħall-Kap Bernard Grech, semma l-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista li s-sena l-oħra kien irriġettat mill-poplu.
L-istess programm, li kien mimli żbalji anke dwar is-suppost setturi ġodda, li ma kienu ġodda xejn, għax diġà jeżistu f’pajjiżna, bħat-3D Printing.
Qal, “Anzi l-manifest elettorali tagħna kien l-aktar ibbażat fuq il-ħolqien ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda.”
Il-Ministru għall-Ippjanar kompla jispjega riformi li qed isiru, fosthom anke b’implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapport tal-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano, li wettaq l-inkjesta maġisterjali fil-każ ta’ Miriam Pace.
Zrinzo Azzopardi ma semmiex biss il-ħolqien ta’ Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, imma anke t-tisħiħ tagħha, fosthom biż-żieda issa ta’ spetturi biex jinfurzaw il-liġijiet.
Dan apparti li issa l-Gvern qed idaħħal riforma importanti oħra tal-liċenzjar tal-kuntratturi, li se tara li tirregola b’liċenzja min jiskava, iwaqqa’ u jtella’ l-bini skont kriterji stabbiliti.
Stefan Zrinzo Azzopardi: “Aħna t-tir tagħna huwa li kull min jaħdem f’dan is-settur irid idaħħal l-applikazzjoni tiegħu sal-aħħar ta’ Ottubru biex minn hemm ’il quddiem, min ma jkunx applika mill-1 ta’ Novembru ma jkunx jista’ jaħdem. U hemmhekk se jibda proċess ta’ skrutinju biex naraw min ħaqqu u min ma ħaqqux.”
Saviour Balzan: “Il-fatt li jkollok liċenzja jkollok element ta’ kriterji.”
Stefan Zrinzo Azzopardi: “Eżattament.”