Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg ippreżentat rapport dettaljat dwar diversi aspetti tal-ħarsien u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem f’Malta. Id-delegazzjoni Maltija qiegħda tieħu sehem f’dak magħruf bħala l-Universal Periodic Review, proċess li permezz tiegħu l-Kunsill tan-Nazzjonijiet Magħquda f’Ġinevra minn żmien għall-ieħor jagħmel evalwazzjoni dwar l-istat tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi membri tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Din hija r-raba’ darba li din l-evalwazzjoni qed issir fuq Malta. Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg spjegat li mill-aħħar evalwazzjoni fuq Malta li saret fl-2018, ittieħdu diversi miżuri u azzjonijiet biex ikomplu jissaħħu l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem f’diversi oqsma. Semmiet fost dawn, l-istrateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika, l-ewwel strateġija nazzjonali favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-fatt li Malta kompliet tikklassifika fl-ewwel post fl-Ewropa fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg spjegat diversi miżuri leġislattivi u l-pjanijiet li qed isiru biex ikomplu jittieħdu azzjonijiet u tiġi implimentata politika favur soċjetà aktar ugwali u inklussiva, soċjetà kemm favur l-integrazzjoni u kif ukoll favur il-ħarsien tal-ġurnalisti u tal-libertà tal-espressjoni.
“Malta dejjem ħaddnet il-valuri universali tad-drittijiet tal-bniedem li huma rikonoxxuti fil-kostituzzjoni u li qed iwassal sabiex iċ-ċittadini u r-residenti f’Malta jgawdu mill-protezzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali u saħansitra mill-protezzjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.” Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg żiedet tgħid li huwa ta’ unur u sodisfazzjon kbir li pajjiżna ġie rikonoxxut minn diversi pajjiżi fuq il-fatt li Malta hija pijunier kemm fid-drittijiet favur il-komunità LGBTIQ+ kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-ugwaljanza fis-soċjetà.
Id-delegazzjoni Maltija tinkludi uffiċjali minn diversi entitajiet li għamlu wkoll l-interventi waqt din is-sessjoni. Dawn jinkludu rappreżentanti mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, id-Direttorat tal-Migrazzjoni, id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissjoni għal Promozzjoni tal-Ugwaljanza, l-Aġenzija tas-Servizzi fil-Qorti, l-FIAU u l-JobsPlus.