Fil-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta ġiet organizzata l-attività Wirt in-Natura, fejn bosta familji bit-tfal setgħu jirċievu tagħlim b’rabta ma’ prattiċi sostenibbli.
Entitajiet differenti qajmu kuxjenza fuq diversi temi ambjentali, bħal l-emerġenza tal-klima, is-sostenibbiltà, il-konservazzjoni tal-bijodiversità, l-immaniġġjar tal-iskart, il-ħajja marittima u l-użu responsabbli tal-enerġija u l-ilma.
Fost l-oħrajn, Ambjent Malta preżentat prattiċi ta’ kif wieħed għandu jieħu ħsieb is-siġar u l-pjanti, filwaqt li Parks Malta stiednet lill-pubbliku biex jitgħallem aktar dwar kif għandu jkabbar ħxejjex aromatiċi b’kunċett sostenibbli.
Attrazzjoni oħra kienet dik tad-dgħajsa u l-wied, fejn it-tfal setgħu jibnu dgħajsa bil-karti biex imbagħad jintefgħu fl-ilma. B’dan, it-tfal setgħu jifhmu aħjar kif l-iskart jista’ jispiċċa fil-baħar u kif jista’ jkun ta’ ħsara għall-ħajja marittima.
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi tat l-opportunità lit-tfal biex jitgħallmu fuq temi ambjentali u l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma iffukat fuq il-konservazzjoni u l-effiċjenza tal-ilma fid-dar u fuq il-post tax-xogħol.
Preżenti kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Ambjent u l-Enerġija, Miriam Dalli, li spjegat kif il-Gvern qed jaħdem fuq il-bżonn għal aktar spazji miftuħa.
Hija fakkret li fil-Budget għas-sena d-dieħla, il-Gvern reġa’ kkommetta ruħu biex jinvesti €700 miljun fi proġetti ambjentali għal aktar ġonna u parks madwar Malta u Għawdex fis-seba’ snin li ġejjin.
Qalet, “Il-pjan tagħna mhux biss li nibqgħu naħdmu fl-ispazji ħodor u miftuħa għall-familji, imma ser naraw li nibqgħu norganizzaw attivitajiet għall-familja tagħna. L-ewwelnett biex it-tfal ikollhom biex jikkreaw ruħhom flimkien, imma wkoll biex inwasslu għarfien u edukazzjoni importanti ambjentali.”