F’Geneva, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela attenda għas-37 laqgħa tal-Commonwealth għall-Ministri tas-Saħħa.
Matul din il-laqgħa ġew diskussi numru ta’ temi importanti fis-settur tas-saħħa, fosthom, is-saħħa mentali, kura preventiva u d-diġitalizzazzjoni.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Jo Etienne Abela semma kif pajjiżna qed jaħdem fuq numru ta’ inizjattivi li qed iwasslu għal passi sinifikanti ’l quddiem f’dawn l-oqsma. Qal kif dan jallinja mal-viżjoni ta’ pajjiżna fejn qed nassiguraw titjib mhux biss fis-settur tas-saħħa, imma wkoll titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Il-Ministru Abela tenna kif Malta tħaddan il-prinċipju li tinvesti fil-kura preventiva bħala pedament għas-saħħa fit-tul. L-approċċ ta’ pajjiżna qed ikun imsejjes fuq mediċina predittiva, preċiża u personalizzata, li tippermetti trattament f’waqtu, effettiv u adattat għal kull ċittadin. Semma kif qed isir tisħiħ ukoll fil-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u s-settur privat sabiex jiġu indirizzati l-prevenzjoni, l-emerġenzi u l-listi ta’ stennija.

Rigward il-kura għas-saħħa mentali, il-Ministru Abela semma kif fl-aħħar jiem pajjiżna ffirma ftehim li ser jara l-introduzzjoni ta’ korsijiet tal-ewwel għajnuna għas-saħħa mentali fil-komunità. Saħaq, kif dan ser jgħin biex tkompli tnaqqas l-istigma, tiżdied ir-reżiljenza, u tgħin biex aktar nies jersqu ’l quddiem meta jiffaċċjaw sfidi.
Fir-rigward ta’ mard kroniku, il-Ministru Abela spjega, “F’Malta qed naraw li l-kura primarja timxi id f’id ma’ dik sekondarja biex niżguraw rispons ikkoordinat kontra mard tal-qalb, obeżità u puplesija.” Huwa kompla jispjega li b’rabta mal-obeżità, qed jiġi żviluppat One-Stop clinic li se joffri pariri nutrittivi kif ukoll appoġġ farmaċewtiku u kirurġiku b’pathways ta’ kura multidixxiplinarja. Qal kif din is-sena, sar investiment sinifikanti f’GLP-1 agonists u kirurġija barijatrika, bħala parti minn strateġija integrata għall-immaniġġjar tal-obeżità.
Dwar is-saħħa diġitali u l-Intelliġenza Artifiċjali (AI), il-Ministru Abela tenna kif pajjiżna qed jinvesti f’għodod ta’ saħħa diġitali u AI biex jtejjeb id-dijanjostiċi, sabiex l-għoti tas-servizzi jiġi ssimplifikat, u biex jappoġġja t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-kura primarja u speċjalizzata. Sostna li dawn it-teknoloġiji se jsaħħu wkoll is-sorveljanza tas-saħħa pubblika u l-impenn tal-pazjent.