Saret konferenza mill-Fondazzjoni RISe, immirata biex iżżid l-għarfien dwar l-użu ta’ strateġiji terapewtiċi alternattivi għal individwi li jxellfu difrejhom mal-ġustizzja, bħal djar ta’ detenzjoni. Sistemi bħal dawn joffru modi effettivi għar-rijabilitazzjoni u r-rintegrazzjoni ta’ priġunieri.
Din il-konferenza, li ġiet iffinanzjata minn fondi tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, kienet indirizzata mill-Ministru għall-Volontarjat Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.
Il-Ministru Farrugia Farrugia Portelli faħħret l-inizjattiva tar-RISe biex organizzat din il-konferenza fuq dan is-suġġett.
“Dan huwa mod tanġibbli ta’ kif għaqdiet volontarji jistgħu jagħmlu użu li hemm għad-dispożizzjoni tagħhom. Il-fondazzjoni RISe qed tagħmel din il-konferenza li, permezz ta’ esperti Maltin u barranin, qed tqajjem għarfien u wkoll tara kif modi differenti, priġunieri li jkunu skontaw sentenza ikunu jistgħu jkunu inklużi fis-soċjetà.”
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli
Il-Ministru Camilleri spjega kif fl-aħħar snin ittieħdu diversi miżuri biex ikun hemm aktar enfasi fuq rijabalitazzjoni waqt li persuna tkun qed isservi sentenza ta’ priġunerija. Dan seta’ jsir kemm permezz ta’ diversi miżuri li ttieħdu fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, fil-ħabs stess, kif ukoll barra l-ħabs inkluż bi sħab ma’ diversi entitajiet oħrajn.
“Il-Fondazzjoni RISe huma partners importanti mal-Ministeru tal-Intern illi magħhom naħdmu fuq rijabilitazzjoni ta’ dawk il-persuni li jkunu servew jew inkella qed iservu sentenza. Magħhom ukoll noperaw half-way house, u ftit tax-xhur oħra se tiftaħ half-way house ġdida magħhom għall-ewwel darba f’Malta li ħa tilqa’ fiha dawk il-persuni li huma nisa li jkunu skontaw jew inkella qed jiskontaw sentenza.”
Il-Ministru Byron Camilleri