Żagħżugħ ta’ 18-il sena mill-Imtarfa jinsab fil-periklu tal-mewt wara li l-Ħamis filgħaxija ttajjar minn karozza fi Triq Ħad-Dingli, ir-Rabat.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija meta l-vittma ntlaqat minn karozza tat-tip Honda Fit li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ tnejn u sittin sena mir-Rabat. Il-vittma ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku fuq il-post u ttieħed l-isptar Mater Dei għall-kura, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji u jinsab fil-periklu tal-mewt.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia li ħatret diversi esperti biex jgħinuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.