Mit-turiżmu jiekol kulħadd u b’hekk hu importanti li l-kwalità fis-setturi tal-ospitalità u t-turiżmu tkompli togħla. Din kienet ir-reazzjoni tal-imsieħba soċjali, b’rabta mal-inizjattiva tas-Skills Pass, maħsub proprju biex ikompli jeduka u jgħolli l-livell tal-ħaddiema involuti.
Ġie nnotat ukoll b’mod pożittiv il-proċess ta’ konsultazzjoni li l-Gvern għamel magħhom u għaqdiet simili f’kull stadju qabel ittieħdet id-deċiżjoni.
Permezz ta’ kollegament telefoniku, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, il-GTA, Joe Muscat, spjega kif inizjattivi ta’ din ix-xorta jkomplu jtejbu l-prodott turistiku, partikolarment fil-gżira Għawdxija.
Qal, “Ir-reazzjoni tagħna hi pożittiva. Aħna nemmnu li l-prodott turistiku, b’mod speċjali dak f’Għawdex, għandu jkompli jittejjeb u jinżamm ta’ livell għoli. Konna kkonsultati, sa mill-bidu nett tal-introduzzjoni ta’ din l-iskema u bqajna sal-aħħar minuti wkoll inkunu kkonsultati, u anke s-suġġerimenti tagħna u l-ħsibijiet tagħna wkoll ġew ikkunsidrati biex b’hekk għandna skema li verament qiegħda taqdi l-iskopijiet mingħajr ma xxekkel il-mixja turistika fil-gżira Għawdxija u anke dik f’Malta.”
Ħadna r-reazzjoni wkoll tal-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Restoranti, l-MHRA, Tony Zahra, li mhux biss faħħar il-proċess ta’ konsultazzjoni wara din l-inizjattiva, iżda wkoll semma kif din se tkompli tgħin biex in-nies fl-industrija jitgħallmu aktar.
Qal, “Pożittiva ħafna għax teħodna fid-direzzjoni li n-nies tagħna jitgħallmu aktar, biex ikunu aktar kapaċi, fejn tidħol l-ospitalità. Ikkoperajna ħafna mal-Ministru u mal-ITS u nsibu li din se teħodna ’l quddiem.”
Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-ħaddiema lokali u Ewropej, li huma diġà kwalifikati jew tas-sengħa, se jingħataw is-Skills Pass b’mod awtomatiku wara proċess ta’ validazzjoni.
Fl-ewwel fażi ta’ din l-inizjattiva, il-ħaddiema barranin iridu jirreġistraw ladarba jkollhom il-kwalifiċi meħtieġa u għarfien tal-Ingliż qabel jgħaddu għall-proċess ta’ verifikazzjoni.
Intqal li jekk, f’din il-fażi, jinstab li huma m’għandhomx kollox kif suppost jew ma ssottomettewx xi dokumenti, jistgħu jitwaqqfu għal kollox milli jkomplu bl-applikazzjoni tagħhom.
Wara din il-fażi, il-ħaddiema jridu jpoġġu għal intervista ma’ espert tas-settur u ladarba jgħaddu minnha, ikunu jistgħu jaħdmu fis-settur. Se jkun hemm l-għażla wkoll li l-individwi japplikaw għal liċenzja temporanja, anke għal istanzi ta’ xogħol għas-sajf.