Kompla jinstema l-każ kontra Ali S Ali Saad ta’ 38 sena mill-Libja li qed ikun akkużat fost l-oħrajn li sawwat u li stupra mara li kellu relazzjoni sigrieta magħha.
Fuq il-pedana tax-xhieda l-Ispettur Lara Butters qalet kif f’Mejju li għadda il-vittma kellha argument vjolenti mal-akkużat, li seħħ meta dan mar fid-dar tagħha u sabha ma’ raġel ieħor. Il-vittma qalet li l-akkużat beda jtiha daqqiet ta’ ponn.
Biex tikkalma lill-akkużat, il-vittma kkonvinċietu biex jmorru f’pizzerija fil-qrib hekk kif kienet taf lis-sidien tal-post. Meta waslu hemm hija sakkret lilha nnfisha fil-kamra tal-banju u ċemplet lill-Pulizija.
L-Ispettur xehdet kif il-vittma qalet ukoll li kienet stuprata mill-akkużat darbtejn, darba minnhom fil-karozza.
Il-vittma qalet li spiċċat tbati minn attakki ta’ paniku għal sitt xhur meta l-akkużat baqa’ jibbumbardaha bil-messaġġi, li wħud minnhom ġew esebiti fil-Qorti.
L-Ispettur qalet li l-Libjan ċaħad l-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u qal lill-Pulizija li l-vittma kienet tweġġa lila nnifisa. Dwar l-istupru, qal li meta f’okkażjoni kienu flimkien fil-karozza, huwa ħareġ jixtri l-ilma u li meta rritorna, sab lill-mara għarwiena fil-karozza.
Fl-aħħar tas-seduta il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u wissiet lill-akkużat dwar il-konsegwenzi serji jekk din tinkiser.