Il-mekkaniżmu addizzjonali tal-għoli tal-ħajja se jkun qed jara tibdil fi ħdanu hekk kif se jkun qed jiġi estiż l-eliġibilità tiegħu. Dan biex jibbenefikaw minnu kważi d-doppju tal-familji.
Il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, fid-diskors tiegħu tal-Baġit għas-sena d-dieħla, spjega kif, biex proprju jkompli jiġi miġġieled l-għoli tal-ħajja, minn dan il-mekkaniżmu se jkunu qed jibbenefikaw mal-95,000 familja.
Dawk, li d-dħul tagħhom ma jkunx jaqbeż id-Dħul Medjan Ekwavilizzat Nazzjonali, ikunu eliġibbli għal dan il-mekkaniżmu. Dan il-benefiċċju se jkun ta’ bejn €100 u €1,500 fis-sena, bir-rati jvarjaw skont id-dħul u l-membri tal-familja.
Il-Ministru għall-Finanzi spjega wkoll li l-pagament ta’ din l-għajnuna se jibda jinqasam f’darbtejn, bl-ewwel pagament se jsir f’Diċembru u bit-tieni pagament isir f’Mejju.