L-Awtorità tad-Djar iffirma ftehim mal-Bank APS li qed jaġġusta u jsaħħaħ tliet skemi li tmexxi l-istess awtorità tal-Gvern.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-kwartieri ta’ dan il-bank lokali fis-Swatar.
L-iskemi huma l-iskema tad-Depożitu tal-10%, l-iskema tal-Equity Sharing u l-iskema tas-Social Loan.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa spjega kif l-awtorità evolviet il-missjoni tagħha f’kullana ta’ opportunitajiet għall-akkomodazzjoni affordabbli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank APS, Marcel Cassar tenna li l-Bank huwa kburi li qed isaħħaħ din il-kollaborazzjoni biex aktar persuni jkunu jistgħu jsiru sidien ta’ djarhom.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes semma l-importanza ta’ dan il-ftehim.
“Turija ta’ fiduċja, fiduċja assoluta f’bank ukoll li għandu kuxjenza soċjali. Wieħed mill-banek li dejjem ħadem mill-bidu flimkien mal-Awtorità tad-Djar. Nassigurak li dawn huma tliet skemi għal qalbi, għax fuq kollox qed jittrattaw fuq nies li jgħaddu minn diffikultajiet soċjali, kienu ta’ suċċess enormi, ħa jkomplu jkunu ta’ suċċess enormi u issa mhux biss żiedna l-ammonti marbuta magħhom, żiedna l-investiment, imma wkoll daħħalna kundizzjonijiet, abażi tal-esperjenza li kellna fl-aħħar snin.”
Roderick Galdes – Ministru