Il-Gvern tar-Renju Unit, permezz tal-Ministru għall-Intern, James Cleverly, irrikonoxxa l-ħidma tal-Gvern Malti li qed iwettaq fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari fejn wasslet biex jitnaqqsu l-wasliet ta’ immigranti irregolari f’pajjiżna. Dan bil-konsegwenza li, allura, tnaqqsu wkoll b’mod sinifikanti il-movimenti sekondarji minn Malta lejn l-Ewropa u anke r-Renju Unit.
Dan intqal waqt laqgħa li l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, kellu f’Londra mal-kontro-parti tiegħu fejn iddiskutew għadd ta’ kollaborazzjonijiet li jista’ jkun hemm jew anke jissaħħu bejn iż-żewġ pajjiżi.
Dan tħabbar proprju l-għada li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, permezz tad-Deputat Beppe Fenech Adami, b’ton isteriku qam fil-Parlament jakkuża lill-Gvern u lill-Prim Ministru Robert Abela li mhuma jagħmlu xejn fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari.
Hawnhekk, it-tweġiba tal-Prim Ministru Robert Abela dwar dan kienet waħda ċara.
“Dan il-Gvern aġixxa u n-numru tal-istatistika li għandna llum jikkonfermaw kemm il-ħidma li għandu dan il-Gvern hi waħda ta’ suċċess f’dan is-settur, minkejja li l-pressjonijiet li għandna fuqna ma kinux qegħdin hemmek fis-snin passati. Il-pressjonijiet li hemm illum fuq il-kwistjonijiet tal-immigrazzjoni irregolari huma bħal qatt qabel u n-numru żgħir ta’ wasliet li għandna f’pajjiżna llum huma konferma tas-saħħa tal-ħidma li għamilna f’dan is-settur.”
Issa anke l-Gvern Ingliż irrikonoxxa din il-ħidma, bl-Oppożizzjoni f’Malta tibqa’ l-iżolata anke f’dan ir-rigward meta targumenta li mhu qed isir xejn f’dan il-qasam.
Sadanittant, f’Londra l-Ministru Camilleri spjega kif Malta ħadet numru ta’ deċiżjonijiet, inkluż bidliet leġislattivi, biex is-sistema tal-immigrazzjoni irregolari tkun waħda aktar soda u ġusta, kemm lokalment u kif ukoll fuq livell internazzjonali.
Spjega kif saret ħidma mill-qrib ma’ pajjiżi oħrajn, partikolarment dawk ta’ oriġini u ta’ tranżitu, biex jitnaqqsu l-wasliet irregolari u jintilfu inqas ħajjiet fil-baħar, filwaqt li sar tibdil biex is-sistema tkun ġusta ma’ min ħaqqu protezzjoni, iżda iebsa ma’ min ma jkollux dritt joqgħod fostna.
Dan kien possibbli wkoll b’investiment fil-proċess tal-ażil, partikolarment bil-ħolqien tal-International Protection Agency u t-tnaqqis fl-ammont ta’ applikazzjonijiet pendenti. Twaqqaf ukoll Returns Unit fi ħdan il-Ministeru biex jiffoka fuq ir-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini ta’ dawk il-persuni li ma jikkwalifikawx għall-protezzjoni.
“Diskussjoni interessanti fuq l-immigrazzjoni irregolari li hi l-akbar suġġett diskuss fir-Renju Unit. Miegħu stajt naqsam l-informazzjoni u anke l-esperjenzi ta’ Malta kif meta ħadna deċiżjonijiet importanti biex nimplimentaw politika tal-immigrazzjoni aktar ġusta. Wassalna anke għal riżultati li wasslu biex kien hemm tnaqqis drastiku ta’ wasliet irregolari lejn Malta u kif jiġu evitati aktar imwiet fil-baħar Mediterran.”
Il-Gvern Ingliż u dak Malti ddiskutew ukoll il-koperazzjoni u qsim ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, koperazzjoni bejn il-Korp tal-Pulizija Malti u n-National Police Chiefs’ Council of England and Wales (NPCC) u n-National Crime Agency, il-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bnedmin u r-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini tal-immigranti irregolari li jkunu fallew il-proċess tal-ażil.
F’din iż-żjara l-Ministru Camilleri kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti, Joyce Dimech, mill-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, Clinton O’Neill, mill-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, u uffiċjali oħrajn fl-oqsma tas-sigurtà.