Omm Ungeriza ta’ tlieta u tletin sena li kellha mandat t’ Arrest Ewropew maħruġ minn Ċipru kontriha tressqet il-Qorti is-Sibt filgħodu.
Hi kienet mixlija li ħadet minuri barra mill-pajjiż mingħajr il-kunsens tal-awtoritajiet Ċiprijotti, u li għaldaqstant, skont il-Qorti Ċiprijotta ikkommettiet reati skedati li jġorru piena ta’ tmintax-il sena priġunerija.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Chris Galea Scannura talbet lill-Qorti biex tipproċedi bl-estradizzjoni tagħha biex issir ġustizzja quddiem il-Qorti Ċiprijotta.
Szilvio Nadoban, ma ngħatatx il-ħelsien mill-arrest għaliex fil-fehma tal-Maġistrat Francesco Depasquale l-offiża hija gravi wisq u mhemmx garanzija li l-akkużata ma taħrabx mill-pajjiż sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-estradizzjoni tagħha.
Nadoban instabet il-Ġimgħa wara nofsinhar mill-Pulizija, wara li kienet imfittxija għal aktar minn sena, fl-appartament tagħha f’ Tas-Sliema ma’ bintha. Sakemm il-mara tinżamm taħt arrest, it-tifla se tinżamm taħt il-kustodja tal-Aġenzija Appoġġ.
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti issuġġeriet lill-Awtoritajiet tal-Ħabs biex kemm jista’ jkun l-omm ikollha aċċess għal visiti ma’ bintha sakemm tinżamm taħt arrest.
Fil-qorti instema’ kif il-mara u bintha kienu vittmi ta’ vjolenza domestika mill-ex raġel tagħha lura f’ pajjiżna, tant li l-missier seta’ jara biss lil bintu taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet.
Id-difiża argumentat ukoll li l-missier jrid lit-tifla lura fiċ-Ċipru biex terġa’ tkun estiża l-viża tiegħu fil-pajjiż Ewropew peress li huwa ċittadin tal-Bangladesh.