Se jsiru emendi f’ordnijiet ta’ sekwestri, iffriżar u konfiska fil-liġijiet ta’ ħasil ta’ flus, servizzi u swieq finanzjarji. Dan tħabbar f’aġġornament lill-midja mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, fejn qal li dan qed isir wara bosta appelli mill-Qorti Kostituzzjoni u Kriminali.
“Se nkunu qegħdin inressqu abbozz ta’ liġi li jittratta reati finanzjarji, b’tali mod li nkomplu nassiguraw li l-ġustizzja tkun waħda effettiva, imma waħda proporzjonali.”
F’ordni ta’ sekwestru, se jitnaqqas il-perjodu tal-validità ta’ din l-ordni bin-nofs biex issa se jkun hemm terminu wieħed. Intqal li, fost oħrajn, se jkun possibbli li tkun varjata u jiġu rilaxxati flus għal għajxien diċenti. Se jkun hemm emenda li tipprovdi li, meta ordni ta’ sekwestru jaqa’ jew jiskadi, jiġu notifikati mill-Qorti.
F’orfni ta’ ffriżar, il-Prosekuzzjoni trid tiddikjara liema proprjetà jew kemm flus għandhom ikunu ffriżati. Jekk ma ssirx id-dikjarazzjoni l-ordni ta’ ffriżar taqa’ fuq rikors tal-imputat u se jkun hemm dritt ta’ appell.
Introdotta ma’ dan, fost oħrajn, hemm li l-imputat jista’ jitlob sa massimu ta’ dik li hi paga annwali medja, waqt li jista’ jagħmel ukoll talba lill-Qorti biex jibqa’ għaddej bin-negozju. Intqal li t-talbiet għal spejjeż rikorrenti jistgħu b’riskors wieħed.
Dwar il-konfiska, il-Qorti Kriminali se tidentifika l-proprjetà, assi jew flus li għandhom jiġu kkonfiskati u se jkun hemm id-dritt tal-appell. Terzi persuni se jkollhom id-dritt joġġezzjonaw għal dan fi żmien sitt xhur.
Il-Ministru Attard sostna li l-liġi, li hemm bħalissa, se tibqa’ fis-seħħ għal każi li bdew qabel tidħol fis-seħħ, sakemm l-imputat ma jagħmilx rikors biex ikunu applikati l-proċeduri l-ġodda u l-Qorti se tiddetermina din it-tranżizzjoni.
Il-Kummissarju tal-Liġijiet, l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi, spjega li qabel saret din il-liġi saret konsultazzjoni wiesgħa mal-esperti f’dan il-qasam.
Il-Ministru għall-Ġustizzja tenna li dan l-abbozz se jkun ippubblikat it-Tlieta u se jitpoġġa għat-Tieni Qari fil-Parlament.