Dan tmiem il-ġimgħa se jkun l-aħħar ċans li matulu l-pubbliku se jkun jista’ jirċievi f’daru d-dokument tal-vot għall-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju li ġej.
It-tqassim tal-voti bieb bieb mill-Pulizija jieqaf għada l-Ħadd u l-ġimgħa ta’ wara tibda fażi oħra fejn id-dokumenti tal-vot ikunu jistgħu jinġabru mill-għasses tal-pulizija.
Kważi tliet ġimgħa ’l bogħod mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali s’issa tqassmu wieħed u sebgħin fil-mija tad-dokumenti tal-vot. It-tqassim tal-voti bieb bieb mistenni jibqa’ għaddej sal-Ħadd filgħaxija.
Il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista Louis Gatt, qal li t-tqassim bieb bieb tad-dokumenti tal-voti jieqaf il-Ħadd li ġej.
“Huwa persentaġġ tajjeb imma sintendi li għad fadal dokumenti tal-vot li għadd irridu jitqassmu, l-ammont mhuwiex żgħir għax in-numru tal-votanti dejjem jiżdiedu.”
Il-ħinijiet tat-tqassim bieb bieb huma bejn it-8:00am u s-13:00pm u bejn it-15:00pm u d-21:00 ta’ filgħaxija.
Louis Gatt saħaq, “It-tqassim tad-dokumenti tal-vot se jibqa għaddej sa nhar il-Ħadd li ġej. Ovvjament il-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd u nisperaw li tkun opportunita’ biex ikomplu jitqassmu”
Wara l-Ħadd tibda fażi oħra fejn id-dokumenti tal-vot ikunu jistgħu jibdew jinġabru mill-għasses tal-Pulizija. Din il-fażi tibda s-Sibt 11 ta’ Mejju u tibqa’ għaddejja sal-Ħadd 19 ta’ Mejju.
Intant, il-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta fetħet skema sabiex dawk li jgħixu, jaħdmu jew jistudjaw barra jkunu jistgħu jiġu jivvutaw. Il-prezz tat-tal-biljett hu ta’ €90 u l-votanti jistgħu jibbukkjaw billi jċemplu fuq in-numru 21418214 bil-prefess 00356.
Is-Sur Gatt kompla, “Il-ħinijiet tal-booking huma bejn it-8:00am u l-22:00pm, kuljum mit-Tnejn sas-Sibt. Il-Ħadd huwa mit-20:00pm sal-17:00pm. Jiġifieri hemm biżżejjed ħin biex wieħed iċempel.”
Dawk li ġejjin minn barra jistgħu jivvotaw is-Sibt 18 ta’ Mejju.
Gatt saħaq, “Irridu jkunu laħqu waslu Malta sal-Ġimgħa 17 ta’ Mejju f’nofsinhar biex jiffirmaw id-dokumentazzjoni ġuramentata li s-Sibt 25 ta’ Mejju se jkunu msefrin.”
Madankollu wieħed jista’ wkoll jagħżel li jivvota fil-25 ta’ Mejju.
Louis Gatt ikkonkluda, “Dawk li ġejjin biex jivvutaw fil-25 ta’ Mejju jkun jew inġabrilhom id-dokument tal-vot. Jekk għadu ma nġabarx importanti li jaslu Malta sal-Ħamis 23 ta’ Mejju f’nofs il-lejl biex jiġbru l-vot mis-Sala tal-Għadd tal-Voti jew inkella minn Għawdex”
Is-Sur Gatt fakkar biex dawk il-Maltin li se jkunu msefrin jew rikoverati fi sptar fil-jum tal-elezzjoni, imorru jiffirmaw dokumentazzjoni ġuramentata fis-Sala tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar sal-Ġimgħa 17 ta’ Mejju f’nofsinhar. Dan sabiex jivvutaw fit-18 ta’ Mejju.
L-uffiċċju elettorali tal-Partit Laburista jfakkar li kull min għandu xi problema għandu jċempel fuq FREEPHONE 80072257.