“Kemm għandi aptitek, ma nistax nieqaf naħseb fuqek”, dan huwa fost il-messaġġi li koppji jibgħatu biex inqanqlu l-aptit sesswali lil xulxin. Iżda mhux biss, jista’ jkun anke b’ritratt senswali jew saħansitra filmat li fih jixhed ix-xewqa li għandha l-persuna għall-oħra.
Filwaqt li messaġġi erotiċi bejn koppji, magħrufa bħala sexting, mhux kunċett ġdid, il-fatt li l-komunikazzjoni saret tinżamm aktar permezz ta’ mezzi online, l-użu tas-sexting, żdied.
ONE news tkellem mas-sesswologu Matthew Bartolo fejn spejgalna li minkejja li sexting hija xi ħaġa normali, miegħu iġib responsabbilità u anke rispett akbar biex ma jinxteridx il-kontenut li jkun fih il-messaġġ.
“Onestmanet jien nemmen li huwa impossibbli li ma tagħmilx sexting meta qegħdin fi żmien fejn nibgħatu lil xulxin il-ħin kollu, allura nitkellmu ħafna fuq ir-responsabbilità. Responsabbilità ta’ dawk li qed jibagħtu l-videos, l-istampi u l-messaġġi, imma iktar u iktar meta nitkellmu fuqha bħala soċjetà hija r-responsabbilità ta’ min qed jirċiviehom.”
Min jirċievi kontenut espliċitu li jkun għal għajnejh biss għandu jkun biżżejjed responsabbli li ma jxerridx dak li kien mibgħut lilu biss.
Riċentament ħarġet storja ta’ persuna li permezz ta’ filmati u ritratti ħolqot kontenut li jqanqal xewqat sesswali, madanakollu, dan il-kontenut spiċċa mxerred fuq il-mezzi soċjali.
Is-Sesswologu kompla jispjega illi f’każijiet bħal dawn, m’għandiex nippuntaw subgħajna lejn il-persuna li tkun għamlet il-kontenut.
“Jien li jinkwetani ftit fil-mentalità tagħna meta jkun hemm xi filmat bħal dan li joħroġ li mill-ewwel niġġudikaw lill-persuna li qiegħda fil-filmat, meta għandna niġġudikaw lill-persuna li xandret il-filmat.”
Nifhmu wkoll li l-pulizija qed tinvestiga l-att tat-tixrid tal-filmati tat-tfajla iżda l-appell jibqa’ wieħed.
Qabel ma tibgħat xi stessu bla ħwejjeġ qis sew lil min se tibgħatu, ara li tafda lill-persuna.
Min-naħa l-oħra jekk irċevejt kontenut għall-għajnejk biss, kun responsabbli biżżejjed biex jibqa’ għalik u lanqas tużah bħala arma għat-tpattija.