Bħalissa għaddejja l-“Maratona ta’ Mħabba”, li qed tigbor il-flus b’risq Caritas Malta biex tgħin aktar nies fis-soċjetà jiġġieldu l-vizzju tad-droga.
Ftit tal-ħin ilu, żar il-maratona l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.
F’appell waqt li kien qed iwieġeb it-telefonati, il-Prim Ministru Robert Abela qal li llum hija festa ta’ ġenerożità u turija tax-xogħol kbir li tagħmel il-Caritas.
Bħala missier ta’ tifla ta’ tmien snin, il-Prim Ministru qal li jinkwieta għax ma jafx x’hemm mistur fil-futur ta’ bintu u għalhekk l-importanza li wieħed ikun solidali u ġeneruż ma’ min ikun għaddej mit-tbatijiet.
Preżenti għall-maratona kien hemm ukoll il-President ta’ Malta George Vella u martu s-Sinjura Miriam Vella.
Il-maratona ta’ tnax-il siegħa, tintemm illejla f’nofsillejl.