Aktar tfal jibbenefikaw mill-programm multisensorju ta’ Inspire bis-saħħa ta’ intrapriżi lokali.
Il-Fondazzjoni Inspire taħdem ma’ tfal u persuni b’diżabilitajiet, li jvrajaw minn tfal b’Down syndrome, Awtiżmu u Cerebral Palsy kif ukoll kundizzjonijiet oħra bħal diżabilità fiżika jew dewmien fl-iżvilupp globali.
Matul is-sena li għaddiet l-Inspire pprovdiet 49,250 siegħa ta’ interventi lil tfal u żgħażagħ b’diżabilità li l-maġġoranza tagħhom ingħataw matul il-Programm tax-Xitwa.
Il-programm jiffoka fuq tfal b’diżabilità li jattendu skejjel standardizzati u li jipparteċipaw fi skola/klassi adattata. Dan il-programm jassigura kooperazzjoni bejn l-istaff u l-voluntiera tal-Inspire u LSA’s, fejn flimkien jaħdmu biex jassiguraw li t-tfal jiksbu l-miri individwali tagħhom.
Meta dawn it-tfal ikunu l-Inspire jingħataw terapija bħal Horseback Riding Terapewtiku u Terapija kreattiva. F’kamra multisensorja jingħataw terapija u idroterapija.
Filwaqt li s-servizz jingħata mingħajr ħlas, l-Inspire tħallas €700 għal kull tifel/tifla li jattendu l-programm. B’156 tifel u tifla li jużaw is-servizz kull sena, il-programm ma jistax ikun sostenibbli mingħajr l-appoġġ tal-intrapriżi lokali. Din is-sena, Casino Malta sponserja erbat itfal biex jattendu l-programm.
Hayden Buttigieg, ta’ erbatax-il sena, huwa wieħed mit-tfal li jibenefikaw minn dan il-programm. Hayden għandu l-awtiżmu u l-ADHD, ommu tispjega li waqt li t-tifel tagħha “ma tantx jitkellem dwar dak li jkun qed iħoss u jaħseb, hu dejjem jgħidli kemm jippreferi li jattendi dan il-programm aktar milli jattendi l-lezzjonijiet regolari tiegħu. Ħarġiet tal-iskola normali jikkawżawlu ħafna anzjetà, għaliex jinkwieta li jista’ jintilef jew li t-tfal l-oħra jaqbdu miegħu, għalkemm l-LSA tiegħu ġeneralment tkun miegħu l-ħin kollu. Aħna tassew kuntenti li jħoss li l-Inspire huwa post sikur għalih, u post fejn hu jista’ jħossu komdu u jagħmel ħbieb ġodda.”
Christos Charistas li huwa l-General Manager ta’ Casino Malta spjega li huma kuntenti li jistgħu jappoġġjaw lill-Fondazzjoni Inspire, u x-xogħol brillanti li jagħmlu. “Aħna nemmnu li hu importanti li nagħtu lura – fil-fatt parti mill-filosofija ta’ Casino Malta hi li nappoġġjaw kawżi tajbin.”
Antonello Gauci, CEO, tal-Inspire spjega li dawn l-inizjattivi huma eżempju perfett ta’ kif intrapriżi privati u individwi jistgħu jagħtu lura lis-soċjetà u tassew jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ persuni oħra.