Huwa importanti li l-Partit Laburista qatt ma jieqaf ikun il-partit tal-ħaddiema u anki ta’ min iħaddem.
Dan intqal mill-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, waqt il-konferenza ġenerali tal-Partit Laburista li tlaqqgħet wara l-elezzjoni ġenerali tax-xahar li għadda u li matulha qed issir l-elezzjoni għall-konferma tat-tmexxija Laburista.
Filwaqt li ddeskriviet lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, bħala bniedem li jħobb jiltaqa’ man-nies, il-President tal-Partit Laburista qalet li l-partit huwa mmexxi minn amministrazzjoni enerġetika.
Hija qalet kif, b’dan it-tim, il-pajjiż se jkompli miexi ’l quddiem u jimbarka lejn iżjed riformi. Sostniet li konferma b’saħħitha fil-Mexxej u d-Deputati Mexxejja hija importanti biex dawn ir-riformi jkunu jistgħu jsiru.
Qalet, “Team Daniel, Chris, u Robert, li qed jitpoġġa hawn quddiemkom għal konferma, huwa tim rebbieħ, tim li bih fit-tmexxija tal-Partit Laburista, il-partit se jibqa’ jkun l-unika forza politika f’dan il-pajjiż, il-progressiva u liberali.”
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista saħ, Chris Fearner, qal li r-rebħa fl-elezzjoni ta’ xahar ilu kienet ir-rebħa ta’ Malta u Għawdex kollha, u li l-Partit Laburista huwa l-partit tal-għaqda.
Chris Fearne qal li l-Partit Laburista jrid jara li jkun il-partit anki dawk li ma vvutawx lil dan il-partit jew saħansitra baqgħu d-dar.
Huwa tkellem dwar kif pajjiżna ħiereġ minn maltempata ta’ sentejn, dik tal-pandemija, iżda issa hemm gwerra oħra: dik fl-Ukrajna. Saħaq fuq l-importanza tal-għaqda bħala pajjiż, sabiex ikun hawn il-progress.
Chris Fearne saħaq fuq l-importanza li l-Partit Laburista jkompli jkun l-aġent tal-bidla.
Qal, “Fadlilna ħafna x’nagħmlu flimkien. Għandna proġetti u pjanijiet kbar għal pajjiżna. Maqgħudin flimkien nistgħu nieħdu lill-pajjiż lejn orizzonti ġodda u sbieħ.”
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, qal li minkejja r-riżultat sabiħ li ngħata l-Partit Laburista fl-elezzjoni ġeneral, il-partit qed jiffoka fuq dak li jista’ jsir aħjar.
Huwa tkellem dwar l-għaqda fil-pajjiż u qal kif, flimkien, għandna nipparteċipaw fit-twettiq tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista.
Il-Perit Micallef semma kif il-Partit Laburista jrid jibqa’ fuq quddiem jimbotta għar-riformi, fosthom dik ta’ liġijiet b’saħħithom dwar l-IVF, li l-Partit Laburista ntrabat li jwettaq fl-ewwel mitt jum.
Qal, “Naf li beda x-xogħol fuqha u rridu nassiguraw li nibqgħu għaddejjin biex ir-riformi meħtieġa jidħlu fis-seħħ mill-aktar fiss possibli. No ifs, no buts – wiegħda ċentrali fil-kampanja elettorali li trid twassal biex nibnu fuq ir-riformi l-ohra li għamilna fl-aħħar snin, u ma nibqgħux nisimgħu b’koppji Maltin u Għawdxin li jkunu sfurzati jsiefru għax il-liġijiet tagħna huma restrittivi wisq.”
Daniel Micallef qal li l-Partit Laburista jrid jara li jibqa’ jagħmel aħjar u jisma’ kemm lil dawk li baqgħu d-dar jew ivvutaw lil partiti oħra, kif ukoll lil dawk li vvutaw lill-Partit Laburista.