Waqt li kienet qed tindirizza l-Forum Amex organizzat minn American Express, il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar enfasizzat fuq l-importanza li ċ-ċertifikat tal-vaċċin jibda jaħdem malajr kemm jista’ jkun kemm fuq livell Ewropew u anke fuq livell internazzjonali.
L-Ewroparlamentari Cutajar stqarret: “Dan kollu huwa importanti sabiex pajjiżi bħal Malta jkunu jistgħu jirċievu ferm aktar turisti b’mod aktar sigur filwaqt li tkun imħarsa parti kbira u importanti tal-ekonomija.”
Dr Cutajar semmiet kif propju lbieraħ stess, Malta kienet minn tal-ewwel fid-dinja li nediet iċ-ċertifikat tal-vaċċin, liema ċertifikat se jkun għodda importanti sabiex terġa’ tibda ddur r-rota ekonomika.
Waqt l-indirizz tagħha, il-Membru Parlamentari Ewropew saħqet li għas-settur turistiku hemm bżonn strateġija Ewropea b’saħħitha li tilqa’ fiha mhux biss lill-istati membri iżda anke lill-imsieħba l-oħra fil-qasam, inkluż dawk internazzjonali.
Hija qalet li din l-istrateġija ħolistika Ewropea għandha tiffoka fuq l-irkupru mill-pandemija iżda fl-istess waqt għandha tieħu inkonsiderazzjoni l-era ambjentali u diġitali li qed ngħixu, bil-għan li tkun waħda li tolqot l-aspetti varji u importanti.
Dr Cutajar sotniet l-industrija tat-turiżmu hija waħda importanti ħafna u l-pajjiżi membri għandhom jieħdu l-okkażjoni sabiex it-tibdil li se jkollu jsir bilfors, konsegwenza tal-pandemija, jgħin sabiex jistabilixxi s-sostenibilità tagħha għaż-żmien li ġej.