Għal snin twal il-Partit Nazzjonalista għamel pressjoni fuq il-Gvern biex jibda x-xogħol fuq l-akkomodazzjoni soċjali f’Taċ-Ċawla, ir-Rabat Għawdex.
Waqt li t-tħejjijiet kienu għaddejjin, ma tilifx okkażjoni waħda biex jistaqsi dwaru, bil-għan li jipprova jagħti l-impressjoni li l-Gvern mhux jaħdem fuqu biżżejjed.
Imbagħad, mal-mument li beda x-xogħol, il-Partit Nazzjonalista qal li hu kontra l-proġett.
Jirriżulta li din l-inkonsistenza ħolqot anke diżgwid bejn id-deputati Nazzjonalisti Għawdxin wara li, tul is-snin, id-deputat Chris Said kien wieħed milli staqsa kontinwament fuq dan il-proġett.
Chris Said saħansitra ddeskriva l-proġett bħala wieħed importanti f’waħda minn sensiela ta’ domandi parlamentari li għamel.
“Meta hu maħsub li jingħalaq biex tkun tista’ toħroġ din it-tender ferm importanti?” kien staqsa Said lill-Ministru għall-Finanzi f’waħda minn sensiela ta’ domandi parlamentari. F’domandi li segwew kien ħeġġeġ lill-Ministeru għal Għawdex biex jagħlaq il-proċess mad-Dipartiment tal-kuntratti mill-iktar fis.
Dwar l-istess proġett staqsa kontinwament ukoll id-deputat Ivan Bartolo, il-Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali tal-Partit Nazzjonalista.
Wara li l-proċessi tal-ippjanar u t-tenders ingħalqu u seta’ jibda x-xogħol, il-Partit Nazzjonalista ħareġ kontra l-proġett. Din mhux l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista bidel il-pożizzjoni tiegħu, basta jattakka l-proġetti tal-Gvern. Din id-darba l-iskuża hi li l-proġett se jneħħi l-spazju miftuħ fil-qasam tad-djar f’Taċ-Ċawla, meta dan mhux il-każ.
Il-proġett tar-riġenerazzjoni taż-żona Taċ-Ċawla se jwassal biex jintlaħqu żewġ miri ewlenin: l-immodernizzar tal-ispazju pubbliku u żieda fl-akkomodazzjoni soċjali.
Il-proġett għandu binja żgħira ta’ akkomodazzjoni soċjali biex f’Għawdex ukoll jiġu megħjuna familji li jeħtieġu appoġġ soċjali. Il-parti l-kbira tal-proġett hi maħsuba biex jiġi riġenerat l-ispazju pubbliku sabiex ir-residenti u l-familji f’Taċ-Ċawla jkollhom żona rikreattiva akbar u iżjed adegwata.
Dan il-proġett ħolistiku se jsir fuq medda ta’ art ta’ 3,750 metru kwadru, li minnhom 330 metru kwadru biss – jew aħjar anqas minn 9 fil-mija tal-ispazju eżistenti – se jkun iddedikat għall-akkomodazzjoni soċjali.
Il-kumplament tal-ispazju, dak ta’ tliet tomniet, se jiġi ġġenerat kif spjegat fil-proġett, bi playing field, outdoor gyms, recreational area b’water features, kif ukoll landscaping estensiv. Se jiżdiedu wkoll is-siġar.
Barra minn hekk, se jitkabbar ukoll il-football pitch eżistenti. Dan se jkun qiegħed jitkabbar b’150 metru kwadru, għal 850 metru kwadru, u dan sabiex ikun jista’ jintuża aħjar kemm għal sessjonijiet ta’ taħriġ mill-Victoria Hotspurs kif ukoll mir-residenti taż-żona.