Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, qalet li tliet xhur biss mit-tnedija tat-tielet Strateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika ġew implimentati miżuri li jsaħħu l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u jagħtu protezzjoni akbar lill-vittmi.
Hi qalet dan waqt li ġiet ippreżentata bir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, mill-Kummissarju Samantha Pace Gasan.
Ir-rapport jelenka l-ħidma li saret mill-Kummissjoni, inkluż it-twettiq ta’ rakkomandazzjonijiet mill-Inkjesta Valenzia u r-riżultati pożittivi mill-hub il-ġdid f’Santa Luċija fejn isiru rapporti lill-Pulizija dwar każi speċifiċi ta’ vjolenza domestika.
Min-naħa tagħha, il-Kummissarju Pace Gasan semmiet il-ħidma ma’ bosta entitajiet, il-kampanja t’għarfien bħala prevenzjoni u taħriġ ma’ setturi varji li jiġu wiċċ imb’wiċċ ma’ każi simili.