Għat-tielet sena, ġie ppubblikat id-dokument “Mizuri ta’ Simplifikazzjoni 2016” li ta rendikont tal-miżuri li ttieħdu mill-Ministeri kollha, bil-għan li titnaqqas il-burokrazija.
Dokument li jagħti rendikont tat-twettiq ta’ 123 miżura li komplew jissimplifikaw is-servizzi governattivi tul is-sena 2016. Miżuri li huma fost 500 miżura ta’ simplifikazzjoni li ġew implimentati f’dawn it-tliet snin.
Is-Segretarju Permanenti ewlieni fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, Mario Cutajar, qal li minn wegħda elettorali, saret evoluzzjoni sħiħa u għandna servizz pubbliku effiċjenti u aċċessibbli 24/7 .
Cutajar qal li fost il-miżuri ewlenin li ġew implimentati fl-2016 hemm Tnaqqis ta’ skariġġ għal persuni li jridu jiftħu negozju f’Malta permezz ta’ reġistrazzjoni elettronika minflok manwali. Bil-permess meħtieġa jinħarġu fi tliet ġimgħat minflok f’xahrejn kif kien isir qabel.
Tul dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm ukoll it-tnedija ta’ 21 mobile app tas-servizzi governattivi u aktar ċentri ta’ servizz.gov li qed iservu ta’ one stop shop.
Il-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni Anthony Agius Decelis qal li dawn il-miżuri frankaw 70% tal-ħin. Bil-Gvern ikun komess li filwaqt li jimplimenta aktar miżuri, ikompli jtejjeb miżuri li diġà daħlu fis-seħħ.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva Deborah Schembri qalet li l-burokrazija żejda fis-servizzi tal-Gvern kienet iddejjaq lil ħafna nies u negozji. Spjegat kif minħabba burokrazija żejda, fil-passat kien hemm fabbriki li minħabba l-permessi biex jiftħu f’pajjiżna ddejqu jistennew u fetħu l-fabbrika tagħhom f’pajjiżi oħra.
Schembri qalet li fl-awtorità tal-artijiet se jiġu mplimentati miżuri ġodda biex filwaqt li nissimplifikaw u jkun hemm inqas dewmien fil-proċess, l-awtoritża toffri servizz aħjar u sempliċi lill-pubbliku.