Għaddej ix-xogħol fuq l-implimentazzjoni ta’ sistema ġdida għall-ħruġ ta’ liċenzji għall-bennejja.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ippjanar Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius fi żjara li għamlu f’sit ta’ kostruzzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Vassallo Builders Group, Pio Vassallo qal li kull impjieg fil-kostruzzjoni joħloq numru ta’ impjiegi oħrajn f’setturi oħra. Vassallo saħaq li permezz tar-riformi fil-qasam tal-bini se jkun qed jingħata s-serħan il-moħħ lill-familji.
Is-Sur Vassallo qal, “L-industrija tal-kostruzzjoni, settur li huwa importanti tant importanti għall-pajjiżna minn dejjem kien jitqies bħala l-barometru. Kull impjieg fil-kostruzzjoni joħloq numru ta’ impjiegi oħrajn f’setturi oħra.”
Il-Ministru Aaron Farrugia spjega il-bidla fil-ħruġ tal-liċenzji tal-bennejja hija pass ieħor lejn l-immodernizzar tal-prattiċi użati fl-industrija tal-kostruzzjoni.
Huwa stqarr: “Iddiskutejna wkoll ir-riforma partikolari, li l-intenzjoni tagħna hija li mmorru għall-edukazzjoni u l-liċenzjar ta’ dawk il-ħaddiema li jmissu dawn is-siti ta’ kostruzzjoni sabiex nagħtu serħan il-moħħ lill-familji Maltin u Għawdxin imma wkoll li nagħmlu din l-industrija waħda sostenibbli.”
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li din iż-żjara tagħmel parti mill-proċess tal-Gvern biex jikkonsulta ħalli jkollna aktar liġijiet u regolamenti li jirregolaw is-settur tal-kostruzzjoni.
Huwa tenna: “Il-proċess tagħna sabiex ikollna iktar liġijiet u regolamenti li jirregolaw is-settur tal-kostruzzjoni. Hawnhekk iltqajna ma’ ħaddiema li tkellimna magħhom u spjegajna l-ħsibijiet tal-Gvern għall-futur.”